Futbol Sport

Doppjetta ta’ Haaland taċċerta t-tieni post għal Borussia Dortmund

(Ritratt: EPA)

Doppjetta ta’ ERLING HAALAND kienet biżżejjed biex Borussia Dortmund rebħu l-konfront dirett kontra Leipzig 2-0 u b’hekk aċċertaw mit-tieni post. L-attakkant Norveġiż fetaħ l-iskor wara nofs siegħa b’xutt fil-baxx wara passaġġ intelliġenti ta’ Giovanni Reyna. HAALAND għalaq il-logħba fit-93 minuta meta kompla għal ġewwa wara kross ta’ Julian Brandt. Dan kien it-13-il gowl tiegħu fil-Bundesliga minn meta ngħaqad magħhom f’Jannar li għadda.

Jekk Haaland kompla l-forma pożittiva tiegħu, daqstant ieħor għamel l-istess Robert Lewandowski. L-attakkant Pollakk skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 3-1 li ċ-champions Bayern Munich kisbu kontra Freiburg. JOSHUA KIMMICH fetaħ l-iskor wara kwarta b’xutt meqjus għar-rokna u ROBERT LEWANDOWSKI rdoppja fl-24 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin. LUCAS HÖLER naqqas id-distakk fit-33 minuta iżda erba’ minuti wara ROBERT LEWANDOWSKI reġa’ rdoppja l-vantaġġ wara kross ta’ Lucas Hernandez. B’dawn il-gowls, Lewandowski sar l-ewwel plejer mhux Ġermaniż li skorja aktar minn 31 gowl fi staġun tal-Bundesliga.

Bayer Leverkusen sfaw megħluba 2-0 minn Hertha Berlin biex b’dan ir-riżultat, Leipzig aċċertaw post fiċ-Champions League staġun ieħor. Wara okkażjonijiet minn Kevin Volland u Kai Havertz, kienu Hertha Berlin li fetħu l-iskor fit-22 minuta permezz ta’ MATHEUS CUNHA. L-iskor sar 2-0 fl-54 minuta b’gowl ta’ DODI LUKEBAKIO wara azzjoni ta’ Krzysztof Piatek.

Borussia Mönchengladbach resqu viċin li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa b’rebħa barra minn darhom ta’ 3-1 kontra t-tim relegat Paderborn. PATRICK HERMANN skorja l-gowl tal-vantaġġ wara biss erba’ minuti iżda SVEN MICHEL ġab id-draw fl-54 minuta. Penalty ta’ LARS STINDL għen lit-tim ta’ Marco Rose jerġa’ jieħu l-vantaġġ minuta wara, bl-istess plejer jagħlaq il-logħba fit-73 minuta.

Hoffenheim aċċertaw posthom mal-ewwel sebgħa fil-kampjonat b’rebħa ta’ 4-0 kontra Union Berlin. Sal-ewwel taqsima, diġà kellhom vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ gowls minn IHLAS BEBOU, ANDREJ KRAMARIC u MUNAS DABBUR. Il-vantaġġ kompla jikber b’gowl ta’ CHRISTOPH BAUMGARTNER fit-68 minuta.

Werder Bremen huma f’xifer ir-relegazzjoni wara telfa ta’ 3-1 kontra Mainz. ROBIN QUAISON fetaħ l-iskor fil-25 minuta u JEAN-PAUL BOETIUS irdoppja ħames minuti wara. YUYA OSAKO naqqas id-distakk fit-58 minuta iżda EDMILSON FERNANDES għalaq il-logħba bit-tielet gowl fil-85 minuta.

Il-forma negattiva ta’ Schalke kompliet b’telfa ta’ 4-1 f’darhom kontra Wolfsburg. WOUT WEGHORST ta vantaġġ doppju lil Wolfsburg fis-16 u s-56 minuta. KEVIN MBABU għalaq il-logħba tliet minuti wara u JOAO VITOR saħansitra għamel l-iskor 4-0 fid-69 minuta. RABBI MATONDO skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni.

Fortuna Düsseldorf u Augsburg spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Rouwen Hennings kien għoddu poġġa lil Düsseldorf fil-vantaġġ wara sitt minuti iżda l-gowl tħassar bil-VAR. Erba’ minuti wara FLORIAN NIEDERLECHNER fetaħ l-iskor favur Augsburg wara azzjoni fuq ix-xellug. L-iskor sar 1-1 fis-26 minuta b’xutt mid-distanza ta’ ROUWEN HENNINGS.

Draw ta’ 1-1 bejn Köln u Eintracht Frankfurt. FLORIAN KAINZ poġġa lil Köln fil-vantaġġ qabel il-mistrieħ minn penalty iżda BAS DOST ġab id-draw fis-72 minuta.

Bundesliga

Illum: Bayern Munich v Freiburg 3-1, Köln v Eintracht Frankfurt 1-1, Fortuna Düsseldorf v Augsburg 1-1, Hertha Berlin v Bayer Leverkusen 2-0, Hoffenheim v Union Berlin 4-0, Mainz v Werder Bremen 3-1, Paderborn v Borussa M’gladbach 1-3, Leipzig v Borussia Dortmund 0-2, Schalke v Wolfsburg 1-4