Lokali

Ian Borg mingħajr opinjoni dwar l-aħħar rivelazzjonijiet

Il-Ministru Ian Borg m’għandux opinjoni dwar l-aħħar rivelazzjonijiet li heżżew lill-Gvern ta’ Robert Abela.

Fl-aħħar sigħat sar magħruf kif Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien u llum konsulent ta’ Robert Abela, flimkien mal-eks Ministru Konrad Mizzi, li llum hu backbencher tal-Prim Ministru Abela, innegozjaw u ffirmaw deal li bih il-poplu nsteraq aktar minn €7 miljun, li marru fil-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech, li kienet se titfa’ flus fil-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Mistoqsi x’jaħseb dwar dak li ġie żvelat dwar din is-serqa miljunarja li nħadmet f’Kastilja, Ian Borg viżibilment skomdu, ma riedx iwieġeb u pprefera jinħeba wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru.

Mistoqsi allura jekk hu wkoll – fi kliem Robert Abela – hux diżgustat b’dak li ħareġ fl-aħħar sigħat, il-Ministru Ian Borg ħarab milli jwieġeb. Baqa’ jinsisti li m’għandux opinjoni, minkejja li hu membru fil-Kabinett, kemm ta’ Joseph Muscat u issa f’ta’ Robert Abela