Lokali

Il-familji tagħna ma jixirqilhomx li jibqgħu jinsterqu biex jimtlew il-bwiet tal-korrotti

“Għaddew 24 siegħa mir-rivelazzjonijiet skandalużi rigward id-deal korrott tax-xiri tal-windfarms fil-Montenegro, u l-Gvern għadu s’issa ma keċċiex lil Konrad Mizzi u lil Joseph Muscat.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kelliema Mario de Marco u Ryan Callus.

David Agius qal li l-Prim Ministru Robert Abela qalilna li hu ddiżgustat b’dak li ġie żvelat. Il-poplu Malti u l-Partit Nazzjonalista mhux biss iddiżgustati b’dak li ġie żvelat, iżda ddiżgustati li Robert Abela għadu s’issa ma ħa l-ebda azzjoni u ma keċċiex lil Joseph Muscat u Konrad Mizzi u diżgustati li Robert Abela jridna nitkellmu fuq affarijiet oħrajn.

Dan wara li Reuters u Time of Malta żvelaw kif dawn iffirmaw deal li bih il-poplu nsteraq iktar minn €7 miljun, li marru fil-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech li kienet se titfa’ flus fil-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Din serqa miljunarja li nħadmet f’Kastilja. Dan id-deal korrott ġie ffirmat minn Joseph Muscat li ħa l-premju tal-aktar politiku korrott tas-sena 2019 u mill-Prim Ministru tal-Montenegro li ħa l-istess premju erba’ snin qabel (2015).

David Agius qal li għandhom jingħataw risposti mingħand il-politiċi li ħadu d-deċiżjonijiet u mingħand il-bord tal-Enemalta li approvahom. Irridu nkunu nafu għand min marru dawn il-miljuni kollha li qed jinsterqu bil-deals korrotti u qed nesiġu li jintraddu lura u li dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja. Huwa qal li Robert Abela se jżomm kelmtu fuq il-kontinwità li wiegħed u Kastilja għadha mgħarrqa fil-korruzzjoni. Għandna Prim Ministru li ma jafx jieħu d-deċiżjonijiet u qed jibqa’ jurina li hu dgħajjef quddiem dawn l-istess persuni li qed ikissru r-reputazzjoni ta’ pajjiżna madwar id-dinja. Il-poplu tagħna ma jixraqlux hekk.

Mario De Marco qal li propju f’dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-agħar żmien għall-ekonomija ta’ Malta moderna, għandna aktar rivelazzjonijiet dwar l-ostakli li l-aġir tal-gvern Laburista qed jagħmel lill-pajjiżna u l-ekonomija tagħna. Għal darb’ oħra, kellha tkun il-medja indipendenti biex tiżvela dan kollu hekk kif is-sistema ta’ checks and balances li pajjiżna suppost għandu tinsab maħkuma mill-istess nies li suppost jipproteġuha.

F’din is-sistema, il-Ministeru tal-Finanzi għandu rwol kruċjali, għaliex għandu d-dover jara li flus il-poplu qed jintefqu bl-aktar mod għaqli possibli. Dr De Marco saħaq illi dawn il-flus huwa wara kollox l-frott tal-ħaddiem Malti. Għaldaqstant, jekk insterqet l-Enemalta, ifisser li insteraq l-poplu Malti. Il-Ministru tal-Finanzi għandu minnufih jgħid x’kienet il-pożizzjoni tiegħu fuq id-deal ta’ Montenegro.

Għadux jemmen li Konrad Mizzi u Joseph Muscat m’għandhomx jaqsmu ma’ dan il-ħmieġ. Hux se jitlob audit ta’ dan il kuntratt. Hux se jippublika d-due diligence report li suppost sar qabel ma ġie approvat dan il-kuntratt .

Ryan Callus sostna li mal-ħames raġunijiet oriġinali għalfejn konna qegħdin ninsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-iskandlu tal-bieraħ huwa s-sitt raġuni. Huwa sostna kemm-il darba li mill-bejgħ liċ-Ċinizi tat-turbini tal-BWSC, il-Maltin qegħdin iħallsu €41,000 iktar kuljum biex spiċċajna qegħdin nixtru bl-għoli għad-dawl. It-tieni raġuni hi li xtrajna l-gass bil-għoli minn intermedjarju, is-Socar, minflok xrajna direttament mill-produtturi tal-gass, minkejja li l-gass raħas b’40% minn Awwissu 2017.

It-tielet raġuni hija li Gvern Laburista rabatna nixtru mill-ogħla sors, il-poweerstation tal-Electrogas, minflok mill-interconnector u mill-BWSC li huma l-irħas żewġ sorsi tal-enerġija. Ir-raba’ raġuni hija l-korruzzjoni li għaliha qed inħallsu €5,000 kuljum lill-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri, permezz tal-kumpanija 17 Black li kellha tirċievi l-flus mill-powerstation tal-Electrogas. Il-ħames raġuni hija l-metodu ħażin li bih qegħdin jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u li Joseph Muscat wiegħed li l-anomalija tkun indirizzata sas-sena li għaddiet.

Ryan Callus qal li l-aħbar tal-bieraħ hija s-sitt raġuni – il-ħadma ta’ €7 miljuni biex xtraw sehem fit-turbini tar-riħ fil-Montenegro. Din iċ-ċifra ta’ €7 miljuni hija daqs kemm il-Gvern ddedika fl-aħħar “mini-baġit” sabiex raħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel traħħsu b’7ċ kull litru. Mingħajr il-korruzzjoni tal-Gvern Laburista, il-prezz tal-petrol u d-dieżel seta’ raħas b’14ċ biex ħallejna aktar flus fil-bwiet tal-familji u n-negozji tagħna.

B’dawn is-€7 miljuni, stajna wessajna l-għajnuna biex inkludejna iktar negozji fit-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u ninkludu l-użu domestiku, li żdied fil-perjodu tal-COVID-19. Ryan Callus għalaq billi appella lill-Maltin jagħrfu li pajjiżna qiegħed isejħilna, sabiex flimkien mal-Oppożizzjoni u s-soċjeta’ ċivili, nqumu għas-sejħa għal Malta aħjar, li minnha jgawdi kulħadd, mhux il-ftit korrotti.