Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ diversi stati u partiti politiċi biex ifakkar “World Refugee Day”

Fid-dinja mqallba tal-lum għandna nagħrfu li se jiżdiedu ferm iktar il-bnedmin li ser iħabbtu l-bibien tad-dinja ċivilizzata biex id-dinjità tagħhom tiġi protetta. Dan fix-xenarju tal-effetti ikbar ta’ dak li għaddejja wara l-pandemija irridu nassiguraw mekkaniżmi effikaċi u effiċjenti sabiex min ħaqqu l-istatus ta’ refuġjat jiġi lilu mogħti. Dan għax l-Konvenzjoni ta’ Ginevra tal-1951 kif ukoll l-Kapitolu 420 Att Dwar r-Refuġjati għandhom jiġu rispettati mingħajr tnikkir.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri Carm Mifsud Bonnici.

L-istqarrija tgħid li hu proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jinsab inkwetat quddiem l-fatt li f’pajjiżna waslu madwar sitt elef u hames mitt (6,500) persuna bil-baħar f’dawn s-sentejn li għadhom qed jitolbu l-protezzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern quddiem din l-isfida mill-iktar kbira għandu jieħu mingħajr iktar dewmien l-passi biex l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom tiġi mill-ewwel konsiderata u proċessata. Għax huwa fl-interess ta’ dawn l-persuni umani għax nafu li min huwa rikonoxxut bħala refuġjat għandu ferm iktar probabilità biex jiġi rilokat f’pajjiż ieħor iktar malajr. Nappellaw għalhekk li għandu jżid u mhux jnaqqas l-uffiċjali mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refugjati sabiex dan jsir.  

L-istqarrija qalet li dan il-jum importanti pajjiżna għandu jwettaq dmiru sew u m’għandux jkompli jippermetti li persuni li ħaqqhom tali protezzjoni jibqgħu nieqsa minnha.