Il-poplu qed iħallas għax Robert Abela ma jistax jiddeċiedi

“Jiena qatt ma nxtrajt, qatt ma ġejt influwenzat, dejjem ħdimt sabiex neqred il-korruzzjoni u nieħu l-passi immedjatament biex b’hekk nagħti sinjal ċar u b’saħħtu li mhux biss qatt ma jien se ninxtara iżda li jekk tkun taf b’xi ħaġa u ma tieħux il-passi huwa ħażin ukoll.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalista tal-ONE News Nicole Buttigieg.

Adrian Delia rrefera ghal iskandlu tal-Montenegro. Tenna li Robert Abela għandhu jkeċċi lil Joseph Muscat u Konrad Mizzi u li dawn għandhom jiġu investigati minnufih. Qal li din kienet serqa oħra miljunarja minn fuq dahar il-poplu u li min seraq lill-poplu għadhu fuq il-bankijiet tal-Gvern. Qal li dan l-iskandlu huwa konferma oħra li Kastilja għadha mgħarrqa fil-korruzzjoni. Dr Delia reġa’ kkonferma li hu qatt ma ħa xi flus mingħand ħadd biex jiġi nfluwenzat jew jaħdem kontra xi ħadd. Mistoqsi jekk Yorgen Fenech għandux ċedoli, huwa ikkonferma li Yorgen Fenech m’għandux ċedoli fil-Partit Nazzjonalista. Huwa saħaq li l-ħażin għamlu min huwa nvolut ma’ Yorgen Fenech fi ċrieki ta’ kumpaniji li minnhom qegħdin jagħtu l-flus f’deals li saru biex jinsteraq il-poplu u f’komplott f’Kastilja biex sar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Adrian Delia qal li mar il-Qorti u ħa affidavit bil-ġurament li hu qatt ma irċeva xi offerta, u wisq anqas xi pagament, biex b’xi mod il-PN jimmina l-kandidatura ta’ kwalunkwe kandidat tagħna fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Huwa qal li ta’ 24 siegħa ċans sabiex il-midja Laburista jekk għandhom provi li juru mod ieħor iressaqhom ‘il quddiem. Dan meta l-preżentatur tal-ONE Karl Stagno Navarra għamel allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu, u ppruva jbiddel l-istorja tagħhom ma’ allegazzjonijiet li saru kważi sena ilu minn David Thake waqt il-programm Xarabank, minfejn il-Kap tal-Oppożizzjoni stess kien stieden lil kull min għandu xi informazzjoni jmur għand il-pulizija immedjatament. Adrian Delia qal li David Thake issejjaħ mill-Pulizija sena wara l-programm Xarabank meta għandna sitwazzjoni fejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom allegazzjonijiet ta’ serq ta’ miljuni kbar u sal-lum għadhom liberi. Huwa qal li aħna rridu li ssir il-ġustizzja ma min qed jiffanga fil-korruzzjoni u ma min qatel iżda għandna Prim Ministru li filwaqt li jgħid li jinsab iddiżgustat huwa bla saħħa li jneħħi lil Joseph Muscat u lil Konrad Mizzi.

Għall-mistoqsijiet dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, Adrian Delia innota b’mod pożittiv kif ħafna mill-proposti magħmula saru mill-Oppożizzjoni bħall-ħatra tal-President u tal-imħallfin. Dwar il-proċess tal-għażla tal-Kummissarju Adrian Delia qal li l-PN ma jistax jieħu sehem fil-grilling meta l-għażla xorta se tibqa’ tal-Prim Ministru. Adrian Delia qal li sodisfatt bid-diskussjoni u skambji ta’ ideat li jsiru fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dan meta d-diviżjonijiet fil-Gvern ma jiġux minn skambji ta’ ideat jew opinjonijiet iżda minn issues profondi ta’ korruzzjoni u nuqqas kbir ta’ governanza tajba. Huwa qal li Gvern li tela bl-għajta li jeqred il-korruzzjoni sfortunatament spiċċa b’persuni fi ħdanu bħall-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi li ttradew mhux biss lill-pajjiżna iżda wkoll lil Laburisti ġenwini stess, u li huma involuti f’sensiela ta’ skandli. Dan meta għaddej minn żmien fejn ħafna familji, ħaddiema u negozji qegħdin ibatu u qed jaffaċċjaw diffikultajiet kbar.

Dr Delia qal li wara żminijiet tal-PN fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess ta’ tiġdid li kien wieħed ġenwin, b’ristrutturar u rijorganizzazzjoni li kellu jsir biex illum il-partit qed jaħdem b’mod iktar strutturat. Dan sabiex mill-Oppożizzjoni b’umilta’ niġġeddu u nissaħħu biex nerġgħu għal darb’oħra niksbu l-fiduċja tal-poplu.