Futbol Sport

Illejla jirritorna s-Serie A wara l-waqfa minħabba l-pandemija tal-coronavirus

(Ritratt: EPA)

Fi tmiem din il-ġimgħa, bejn illum u nhar it-Tnejn, jirritorna l-kampjonat tas-Serie A b’seba’ partiti.

Fir-Renato Dall’Ara Stadium, Bologna jospitaw lil Juventus f’partita li tista’ tkun kemm xejn diffiċli għaċ-champions Taljani. Juventus għadhom ġejjin mit-telfa tal-finali tal-Coppa Italia, fejn tilfu kontra Napoli bl-għoti tal-penalties. Juventus se jkunu qed ifittxu rebħa biex jiftħu vantaġġ aktar komdu fuq l-eqreb rivali tagħhom Lazio. Għal din il-partita Juventus se jkunu mingħajr Alex Sandro li weġgħa kontra Napoli u Sami Khedira. Bologna jinsabu komdi f’nofs il-klassifika u b’rebħa għalihom tista’ tpoġġijhom f’post tajjeb biex fl-aħħar partiti jiġġieldu għal post fl-Ewropa.

Inter f’darhom jospitaw lil Sampdoria u jittamaw li jirkupraw wara li l-ġimgħa l-oħra sfaw eliminati mis-semifinali tal-Coppa Italia minn Napoli. Rebħa għal Inter tfisser li jikkonsolidaw it-tielet post hekk kif Juventus u Lazio jinsabu xi ftit imbiegħdin minnhom. Għat-tim Claudio Ranieri minkejja li hi partita diffiċli, rebħa tista’ tfisser li Sampdoria jersqu ftit il-bogħod miż-żona relegazzjoni hekk kif jinsabu biss punt il-bogħod.

Milan jittamaw  li jkomplu fuq il-prestazzjoni pożittiva li kellhom kontra Juventus fis-semifinali tal-Coppa Italia, fejn minkejja li sfaw eliminati rnexxielhom jikkontrollaw lit-tim ta’ Maurizio Sarri b’mod tajjeb. Huma jilagħbu barra minn darhom kontra Lecce. Milan se jkunu qed ifittxu rebħa biex jersqu qrib ir-raba’ post li jfisser post fil-UEFA Champions League. Huma se jkunu mingħajr bosta plejers fosthom l-attakkant Żvediż Zlatan Ibrahimovic. Lecce se jkunu qed ifittxu rebħa f’darhom biex joħorġu miż-żona relegazzjoni u jitfgħu aktar pressjoni fuq it-timijiet viċin tagħhom.

Fi staġun ikkunsidrat bħala diżappuntanti, Fiorentina jittamaw li jiksbu rebħa kontra t-tim tal-qiegħ Brescia, fejn minkejja l-kontroversja tal-aħħar jiem b’rabta mal-futur tal-attakkant Mario Balotelli huma se jkunu qed jittamaw li fl-aħħar partiti jwettqu dak li jidher impossibli u jsalvaw posthom fis-Serie A.

Logħob li jmiss: Illum: Torino v Parma 7.30pm, Verona v Cagliari 9.45pm, Għada: Atalanta v Sassuolo 7.30pm, Inter v Sampdoria 9.45pm, It-Tnejn: Fiorentina v Brescia 7.30pm, Lecce v Milan 7.30pm, Bologna v Juventus 9.45pm