Lokali

Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja jikkonferma li l-proposti tal-PN huma dawk li għandhom jiġu adottati – PN

Wara r-rapport tal-Kummissjoni Venezja, l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella biex il-proposti li saru minnu u mis-soċjeta’ ċivili jiġu attwati fi żmien qasir biex l-istituzzjonijiet tagħna jissaħħu u jkunu hemm biex iħarsu d-drittijiet ta’ kull ċittadin u mhux biex jservu l-interessi tal-Gvern tal-ġurnata jew ċertu esponenti tiegħu. Huwa b’bekk biss li l-pajjiż jerġa’ jibda tiela’ mill-abbissi li niżel fih.

Dan intqal fi stqarrija mid-deputati tal-PN Jason Azzopardi u Chris Said.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li għaddew sena u nofs minn meta f’Diċembru tal-2018 ħareġ l-ewwel rapport ta’ din il-Kummissjoni u l-Gvern f’dawn is-sena u nofs kaxkar kemm felaħ saqajh u kien biss fl-aħħar ġimgħat li tatu ferneżija minħabba pressjoni internazzjonali u kellu jaddotta l-proposti tal-Oppożizzjoni u tal-Kummissjoni Venezja dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-ġudikatura – qasam fejn il-Kummissjoni qed tinnota progress.

Dan kien grazzi għall-ħidma tal-Oppożizzjoni u r-rappreżentanti tagħha fil-Kumitat għar-Riforma Kositituzzjonali li kienu konvinti minn dan it-tidil u wara xhur bil-Gvern jopponi fl-aħħar ċeda u wasal biex jaqbel mal-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni.

Ir-rapport li ħareġ ilbieraħ jinnota li l-Gvern ftit li xejn għamel:

  • Biex jitnaqqas il-poter tal-Prim Ministru speċjalment fejn jidħol il-poter li jappunta min imexxi kummissjonijiet jew awtoritajiet kostituzzjonali jew regolatorji.
  • Dwar il-persons of trust jew positions of trust li ntużaw mill-Gvern b’mod mill-aktar abbużiv.
  • Dwar il-membri parlamentari tal-Gvern li ngħataw pożizzjonjiet mħallsa biex jixtru s-silenzju tagħhom.
  • Biex il-Parlament verament ikun post fejn isir l-iskrutinju tal-ħidma tal-eżekuttiv
  • L-Avukat Ġenerali għadu ma ħax f’idejh il-prosekuzzjoni tal-każijiet kriminali – ħaġa li għada f’idejn il-pulizija.
  • L-ebda proposta konkreta kif il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni tkun bis-snien u effettiva.

Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fil-proposti tiegħu saħaq illi:

  • President tar-Repubblika jkun maħtur b’vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament biex ikun jista’ jibda jingħata aktar poteri. Dan il-Gvern opponieh għall-aħħar snin iżda issa jidher li qed jasal biex jaċċetta dak li pproponiet l-Oppożizzjoni.
  • Il-ħatra taċ-Chairpersons tal-Kummissjonijiet u Awtoritajiet Kostituzzjonali, tal-Avukat Ġenerali, tal-Kummissarju tal-Pulizija u istituzzjonjiiet oħra importanti ma tibqax issir mill-Prim Ministru iżda tibda ssir mill-Parlament b’vot ta’ żewġ terzi u fin-nuqqas mill-President tar-Repubblika.
  • Issir liġi ċara dwar limitazzjojijiet fuq positions u persons of trust.
  • Tiġi attwata d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards u tal-Kummissjoni Venezja biex membri parlamentari ma jkunux jistgħu jingħataw pożizzjonjiet mħallsa mill-Gvern, ħaġa li tneħħi għal kollox l-indipendenza tal-membri parlamentari.
  • Biex il-Parlament ikun il-post fejn isir l-iskrutinju tal-ħidma tal-eżekuttiv, l-Oppożizzjoni pproponiet diversi miżuri fosthom li l-leġislazzjoni sussidjarja kollha tiġi diskussa f’kumitat apposta tal-Parlament u li deċiżjonijiet tal-Ombudsman li ma jiġux attwati jiġu diskussi waħda waħda f’kumitat tal-Parlament.
  • L-Oppożizzjoni tipproponi l-ħatra ta’ Kummissarju kontra l-Korruzzjoni li jkollu l-poteri kollha li jinvestiga u li jkun maħtur b’żewġ terzi tal-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ joffri l-għajnuna kollha tiegħu biex fl-iqsar żmien possibbli u wara l-konsultazzjoni kollha meħtieġa dawn ir-riformi jsiru u jsiru kif xieraq. Dan iwassal biex ikollna firxa aktar wiesa’ tal-poter f’pajjiżna u nassiguraw li jkollna ċ-checks and balances kollha neċessarji. Konvinti li jekk il-Gvern jattwa l-proposti tal-Oppożizzjoni kif konfermati mill-Kummissjoni Venezja l-pajjiż jista’ jibda jieħu r-ruħ u jirbaħ lura l-kredibbilta’ li Gvern Labour ġab mal-art.