Coronavirus Lokali

“Irridu nibqgħu kawti” – Prof. Charmaine Gauci

“Importanti li nibqgħu kawteli”. Hekk sostniet is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika Professur Charmaine Gauci waqt intervista fuq Net TV fejn spjegat li hekk kif il-Gżejjer Maltin jinsabu biss ftit jiem bogħod milli joħorġu minn Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika, xorta waħda l-pubbliku għandu jibqa’ jżomm l-attenzjoni …u jiprova kemm jista’ jżomm id-distanzi soċjali kif ukoll  jintlibsu l-maskri protettivi fejn hemm bżonn.

Charmaine Gauci spjegat li minkejja li fil-jiem li ġejjin ser ikunu jistgħu jiltaqgħu aktar minn 75 persuna f’daqqa… hi xorta waħda appellat sabiex il-pubbliku jevita il-folol, b’mod speċjali dakwk il-persuni meqjusa vulnerabbli.

Dan filwaqt li spjegat li jekk koppja tkun ser torganizza tieġ fil-ġimgħat li ġejjin importanti li ma jkunux mistednin ħafna nies u li jżommu mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Hekk kif ninsabu ftit jiem biss ‘il bogħod mill-ftuħ tal-iskejjel, fosthom Skola Sajf, il-Professur Gauci ammettiet li ser tkun diffiċli li persuna tikkontrolla t-tfal biex ma jersqux lejn xulxin… għaldaqstant spjegat li kemm jista’ jkun t-tfal ser ikunu qed jifrekwentaw lill-istess tfal –  b’inqas studenti fil-klassi.

Hija sostniet li l-mezzi ta’ prevenzjoni għandhom jibqgħu attivi fuq il-mezzi ta trasport tal-iskola. 

Rigward il-fatt li l-pandemija tista’ terġa’ tfeġġ bil-qawwa fix-xhur ta’ Settembru u Ottubru, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika ma eskluditx kull eventwalita u għaldaqstant saħqet li qed jittieħdu miżuri sabiex il-pajjiż ikun preparat.

Charmaine Gauci insistiet li importanti li n-nies jibqgħu jmorru għat-testijiet, ghaliex il-virsu ghadu fostna.

Rigward il-ftuħ tal-ajruport Malti, Charmaine Gauci sostniet li persuni li jkollhom kwalunkwè sintomu mhux ser ikunu qed jitħallew jitilghu abbord ajruplan, kemm minn Malta kif ukoll minn barra minn xtutna.