Futbol Sport

It-tieni telfa konsekuttiva għal Arsenal fi ftit jiem

(Ritratt: EPA)

Brighton dawru telfa f’rebħa u taw it-tieni telfa konsekuttiva lil Arsenal b’rebħa ta’ 2-1. Nicolas Pepe poġġa lit-tim ta’ Mikel Arteta fil-vantaġġ fit-68 minuta meta minn tarf il-kaxxa, ġibed il-ballun fuq ix-xellug u b’xutt sabiħ għeleb lil Mathew Ryan. Lewis Dunk ġab id-draw kwarta mit-tmiem b’konklużjoni mill-viċin biex Neal Maupay skorja l-gowl tar-rebħa fil-95 minuta wara azzjoni mill-isbaħ.

Wolves laħqu lil Manchester United wara rebħa kontra West Ham 2-0. Raul Jimenez fetaħ l-iskor fit-73 minuta b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ Adama Traore. It-tim ta’ Nuno Espirito Santo għalaq il-logħba fl-84 minuta b’gowl mill-isbaħ ta’ Pedro Neto li skorja b’xutt sabiħ mill-ewwel.

Craig Dawson salva punt meritat għal Watford fi draw ta’ 1-1 kontra Leicester f’Vicarage Road. Id-difensur ġab id-draw fit-92 minuta b’konklużjoni fl-arja li l-gowlkiper Kasper Schmeichel seta’ biss iżomm. Leicester kienu fetħu l-iskor żewġ minuti qabel b’xutt sabiħ tad-difensur xellugi Ben Chilwell.

Premier League

Illum: Brighton v Arsenal 2-1, Watford v Leicester 1-1, West Ham v Wolves 0-2