Lokali

Meta taħseb li smajt l-agħar, l-għada tisma’ agħar – Adrian Delia

Meta taħseb li smajt l-agħar, l-għada tisma’ agħar. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervent li għamel f’NET News, fejn spjega li r-reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela dwar l-iskandlu tal-Montenegro ma kinitx minnha.

Għax filwaqt li lbieraħ filgħaxija, Robert Abela qal li kien diżgustat bl-aħbarijiet li ħarġu daqslikieku ma kien jaf b’xejn, il-verità hi mod ieħor. Ilbieraħ, il-Prim Ministru qal li kulmin kellu informazzjoni kellu l-obbligu jirrapporta lill-Pulizija. Barra minhekk, qal li kulmin hu involut b’xi mod kellu jitlaq jew ikollu jieħu d-deċiżjonijiet hu.

Iżda sigħat biss wara ħarġu aktar aħbarijiet xokkanti. Dan hekk kif fis-sit elettroniku tal-MaltaToday kien irrappurtat li Robert Abela innifsu kien jaf f’Novembru li għadda bl-iskandlu tal-Montenegro.

Adrian Delia kompla li allura, l-appelli tal-Prim Ministru biex il-Pulizija jagħmlu xogħolhom kien biss reċtar u kien ibbażat fuq patt imxajtan. Tenna li Robert Abela għandu jdejh marbutin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal il f’dan ir-rigward, hu sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari biex jiltaqa’ għada filgħodu.