Coronavirus Internazzjonali

“Ninsabu f’fażi perikoluża” -Id-Direttur Ġenerali tad-WHO

Tedros Adhanom Ghebreysus,Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, qal li d-dinja tinsab f’fażi ġdida u perikoluża fl-imxija tal-virus..

Hu kien qed jitkellem wara li l-Ħamis, madwar id-dinja żdiedu b’150,000 il-każi ġodda ta’ Covid-19 fi żmien 24 siegħa.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każi kienu rreġistrati fl-Amerki, iżda kienu sostanzjali wkoll iċ-ċifri mill-Ażja u mill-Lvant Nofsani.

Id-Direttur Ġenerali tad-WHO qal li wieħed jifhem li n-nies iddejqu d-dar u li l-pajjiżi jinsabu ħerqana biex jiftħu l-ekonomiji tagħhom, madankollu wissa li l-Covid-19 għadu qed jinfirex b’mod mgħaġġel, għadu qattiel, u ħafna nies għadhom suxxettibbli għalih.

Sa issa l-każi globali rreġistrati ta’ Covid-19 huma aktar minn 8.7 miljuni, b’460,000 persuna jitilfu ħajjithom kawża tal-virus.

Tedros reġa’ tenna l-appell tiegħu biex il-pajjiżi  jibqgħu viġilanti u ffukati fuq it-trażżin tal-marda, billi jibqgħu jittestjtaw b’mod assidwu u jkomplu bl-eżerċizzju tal-contact tracing biex kemm jista’ jkun tittrażżan il-firxa.