Lokali

“Nistennew li l-Pulizija jieqfu jippruvaw igħattu għall-Gvern” – Repubblika

Fi stqarrija Repubblika qed tinsisti li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jara li ssir investigazzjoni konġunta bejn il-Europol u l-Pulizija ta’ Malta biex ikunu investigati l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni marbuta magħha.

Ingħad li l-istqarrija li l-Pulizija ħarġet is-Sibt filgħodu tikkonferma li ma hemmx investigazzjoni konġunta.  Repubblika spjegat illi li hemm biss hija assistenza li tiddependi esklussivament minn kemm titlob għajnuna il-Pulizija Maltija.

Għaldaqstant kompliet li dan il-fatt irid ikun kunsidrat fil-kuntest li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed joħroġ biċ-ċar li hemm numru ta’ uffiċjali għolja tal-Pulizija li huma kompromessi.  “Bħalissa, il-Europol ma jistgħu jagħmlu xejn iżjed minn dak li jkunu jridu l-Pulizija u bħalissa hemm uffiċjali tal-Pulizija li aħna ma nafdawx”.

Għalhekk Repubblika qed titlob li ssir investigazzjoni kunġunta skont l-artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (29 ta’ Mejju 2000) u skont il-Framework Decision tal-Kunsill dwar Mudell ta’ Ftehim dwar għat-Twaqqif ta’ Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta (2017/C 18/01).

Fakkret ukoll li sena u xahrejn ilu (2 ta’ April 2019), meta l-Ministru tal-Pulizija Michael Farrugia (Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 9772) kien mitlub li jwaqqaf investigazzjoni konġunta biex tinvestiga lil 17 Black, ir-risposta xotta tal-ministru kienet li dan il-każ kien suġġett għall-inkjesta maġisterjali.  

Finalment gew mistoqsija s-segwenti;

“Għalfejn kellhom igħaddu 14-il xahar biex insiru nafu b’dan il-ħmieg?”

“Għalfejn kellhom ikunu l-ġurnalisti li jikxfu dan il-każ u mhux l-inkjesta maġisterjali u lanqas l-investigazzjoni tal-Pulizija?”

Repubblika insistiet li l-Prim Ministru Dr Robert Abela m’għandux isir kompliċi fil-korruzzjoni ta’ sħabu.