Lokali

KONFERMATA: 21 immigrant jaħarbu miċ-Ċentru ta’ Ħal Far

Ritratt: Arkivji

Fl-aħħar ħin waslet il-konferma tal-Gvern li 21 immigrant irnexxielhom jaħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far.

Netnews.com.mt aktar kmieni llum kien żvela li għadd ta’ persuni kienu ħarbu minn dan l-istess ċentru.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News kienu qalulna li madwar 25 immigranti kien irnexxielhom joħorġu. Dan għamluh billi qalgħu knaten u ħarġu minn toqba li għamlu fil-ħajt tal-bitħa.

L-istess sorsi qalulna li din is-sitwazzjoni kienet waħda li żviluppat kawża tan-nuqqasijiet kbar li hemm f’dan iċ-Ċentru, fosthom li l-uffiċjali tad-detenzjoni ta’ ġewwa ċ-ċentru ma huma armati bl-ebda mod, u lanqas qed jitħallew iżommu fuqhom il-mobile tagħhom.

Is-sorsi qalu li hemm nuqqas kbir ta’ uffiċjali, meta wieħed iqis in-numru ta’ immigranti li hemm.

Dan is-sit kien infurmat li s-sitwazzjoni tant kienet gravi li saħansitra anke l-Ministru tal-Intern kellu jissejjaħ malajr fil-post.