Lokali

Robert Abela m’għandux diffikultà jippubblikaha iżda l-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona għadha mistura

Sal-lum, l-ittra tar-riżenja minn Deputy Leader tal-Partit Laburista ta’ Chris Cardona għadha mistura u ħadd għadu ma raha.

Dan ifisser li ħadd ma jaf ir-raġuni vera għalfejn irriżenja Chris Cardona, raġuni li wieħed jistenna li tkun fuq ittra ta’ riżenja.

Ilbieraħ filgħodu staqsejna dwar dan lil żewġ Ministri tal-Gvern pero lanqas huma ma raw din l-ittra. Il-Ministru Aaron Farrugia saħaq li ma jafx x’fiha l-ittra għaliex ma rahiex. Il-Ministru Ian Borg qal li jaf li kien hemm komunikazzjoni bejn Robert Abela u Chris Cardona qabel inkitbet l-ittra.

Mill-informazzjoni li konna ksibna sa dak il-ħin deher li l-Prim Ministru biss kien ra din l-ittra jew li kien infurmat biha. Ilbieraħ filgħaxija staqsejna lill-Robert Abela nnifsu. Il-Prim Ministru saħaq li m’għandu l-ebda diffikultà jippublika din l-ittra. Waqt konferenza tal-aħbarijiet Abela qal li l-ittra nkitbet fis-17 ta’ Ġunju u ingħatat lis-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Kien għalhekk illi la ħareġ il-kunsens tal-Prim Ministru biex din l-ittra tiġi ppublikata, Net News tkellem mal-persuna li Robert Abela qal li rċeviet l-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona. Catherine Fenech, is-Segreterju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Fenech ammetit magħna li kienet għadha ma semgħetx x’qal il-Prim Ministru u xtaqet li nibgħatu l-mistoqsijiet tagħna permezz ta’ email. Madanakollu, għalkemm din kinet xi ħaġa li l-Prim Ministru qal b’mod apert waqt konferenza tal-aħbarijiet, Fenech riedet li tisma x’qal Robert Abela u ma bdietx temmen li l-Prim Ministru qal hekk. Aħna offrejna li nsemmgħu x’qal il-Prim Ministru waqt it-telefonata iżda Fenech riedet kollox permezz ta’ email. Hi saħqet li ġaladarba Robert Abela jgħidilha biex tippublika l-ittra, hi hekk kienet se tagħmel.

Kien għalhekk illi bagħtna email bid-deċiżjoni tal-Prim Ministru lis-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista biex ningħataw kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona.

Minkejja li fuq it-telefonata, Fenech talbet email biex tippublika l-ittra, fir-risposta tagħha rreferitna għand persuna oħra fi ħdan il-Partit Laburista. Din hija xi ħaġa li waqt it-telefonata qatt ma ssemiet.

Dan il-fattur qed ikompli joħloq aktar konfużjoni fil-Partit Laburista hekk kif jidher li hemm aktar nies b’aċċess għall-ittra filwaqt li numru mill-membri tal-Kabinett għadhom ma jafux għalfejn spiċċa mill-kariga Chris Cardona.

Sal-ħin tal-publikazzjoni ta’ dan l-artiklu, l-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona għadha mistura.