Futbol Sport

Sirens jakkwistaw lil Maxuell Maia da Silva u Jacob Walker

Sirens qed ikomplu bil-ħidma tagħhom biex ilestu l-iskwadra kmieni kemm jista’ jkun qabel l-impenn storiku fil-UEFA Europa League. Huma ħabbru l-akkwisti ta’ Maxuell Maia da Silva u Jacob Walker, żewġ plejers li l-istaġun li għadda lagħbu ma’ Santa Lucia.

Maia da Silva ngħaqad ma’ Santa Lucia f’Jannar li għadda u fil-ħames logħbiet li lagħab skorja erba’ gowls. Il-prestazzjonijiet tiegħu kienu importanti biex Santa Lucia wettqu rimonta żgħira u qabel twaqqaf il-Kampjonat Premier minħabba l-Covid-19, Santa Lucia kienu jinsabu fit-12-il post, seba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.

Jacob Walker għamel id-debutt ma’ St. Andrews fis-6 ta’ April tal-2014 fl-età ta’ 16-il sena. Fl-istaġun ta’ wara, St. Andrews kisbu l-promozzjoni u b’hekk fl-istaġun 2015/16 għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier. L-ewwel esperjenza tiegħu kienet fil-21 ta’ Awwissu fl-2015 fit-telfa ta’ 3-0 kontra Valletta. Fit-tliet staġuni ta’ wara, Jacob Walker stabbilixxa ruħu bħala plejer regolari u importanti fit-tim ta’ St. Andrews li baqa’ jilgħab fil-Kampjonat Premier. Wara r-relegazzjoni ta’ St. Andrews, Walker kompla jilgħab fil-Kampjonat Premier u sena ilu ngħaqad ma’ Santa Lucia. Fl-ogħla diviżjoni, diġà lagħab aktar minn 100 logħba.

Intant jidher li Sirens se jsaħħu d-difiża bl-akkwist ta’ Jonathan Pearson mingħand Sliema Wanderers. Il-paġna ta’ Replay fuq facebook żvelat li ż-żewġ partijiet laħqu ftehim. Pearson li għandu 33 sena, ilu ma’ Sliema minn Jannar tal-2017 wara diversi snin ma’ Hibernians. Sirens taħt it-tmexxija tal-kowċ Steve D’Amato akkwistaw ukoll lil Ryan Scicluna mingħand Birkirkara filwaqt li ġeddew il-kuntratti ta’ Ryan Grech, Adrian Borg u Luke Grech.

Ikkummenta