Kunsilli Lokali Lokali

Vuċi waħda għall-protezzjoni ta’ wirt storiku fil-Fgura

Tissokta wkoll il-ħidma b’rispett tal-memorja ta’ ‘Żaren tal-Mużew’

Ir-residenti tal-Fgura jinsabu urtati wara li deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar qed timmina d-destin ta’ waħda mill-eqdem binjiet fil-lokalità.

Il-futur tar-Razzett l-Antik li jinstab fi Triq Hompesch il-Fgura kantuniera ma’ Triq Bormla (Daħlet in-Niċċa l-Antika) – jinsab jiqsar b’pass mgħaġġel b’diversi persuni jisħqu li dan m’huwiex sempliċi razzett iżda jaf kien fost l-ewwel binjiet tal-lokal.

Dan kollu seħħ wara li l-Awtorità tal-Ippjanar neħħiet din il-binja minn fuq l-iskeda ta’ Grad 3 wara li ġie spjegat li ma ġietx preżentata biżżejjed evidenza sabiex dan is-sit ikun protett. Lura fi Frar ta’ din is-sena l-Kunsill Lokali kien tilef il-battalja sabiex jipproteġi dan is-sit u għaldaqstant illum, numru ta’ residenti – mmexxija minn Aldo Busuttil appellaw sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela ma jinjorax l-appelli tagħhom. Dan l-għaliex fi kliemhom ġenwinament għandhom għal qalbhom dan is-sit li għandu ‘il fuq minn 200 sena.

Ta’ min wieħed isemmi li din hija waħda mill-ftit żoni li hemm daqsxejn ta’ ħdura fi Triq Hompesch, triq assoċjata mat-tniġġis u l-urbaniżmu fin-nofsinhar ta’ Malta kawża ta’ traffiku kontinwu li jgħaddi minnha.

Intant fl-istess zona, ftit aktar minn xahrejn wara l-mewt ta’ Nazzareno Farrugia, magħruf aħjar bħala Żaren tal-Mużew, il-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Fgura, Charles Bonello spjega li fuq proposta tiegħu flimkien mas-Sindku tal-Lokal, ġie deċiż b’mod unanimu li l-ewwel parti ta’ Triq Cospicua, propju bejn Triq Hompesch u Triq Wistin Levanzin tibda tissejjaħ “Wesgħa Nazzareno Farrugia”.

Bonello stqarr li l-applikazzjoni għal dan l-isem ġdid intbagħtet lill-awtoritajiet kompetenti u jispera li ma jdumux ma jkollhom l-approvazzjoni meħtieġa.

Din iż-żona hija proprju biswit l-istess razzett li r-residenti tal-Fgura qed jappellaw sabiex ikun protett.