Futbol Sport

Chelsea jdawru telfa f’rebħa biex isaħħu posthom fir-raba’ post

(Ritratt: EPA)

Żewġ gowls fit-tieni taqsima minn Christian Pulisic u Olivier Giroud dawwru telfa f’rebħa għal Chelsea barra minn darhom kontra Aston Villa. Kontra x-xejra tal-logħob kienu Aston Villa li fetħu l-iskor żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li rċieva cross tajjeb mingħand Jack Grealish kien KORTNEY HAUSE li kkonkluda mill-viċin.

Fit-tieni taqsima Chelsea tejbu fuq l-ewwel taqsima u kien is-sostitut CHRISTIAN PULISIC li wara cross ta’ Cesar Azpilicueta ġab id-draw mas-siegħa logħob. Żewġ minuti biss wara, OLIVIER GIROUD skorja l-gowl tar-rebħa għal Chelsea b’xutt b’saħħtu wara li rċieva mingħand Pulisic.

Fl-ewwel partita li kellna llum, Newcastle f’darhom għelbu lil Sheffield United 3-0. B’din it-telfa naqsu xi ftit it-tamiet ta’ Sheffield United li jiksbu post fl-Ewropa.

Mal-50 minuta t-tim ta’ Chris Wilder spiċċa jilgħab b’10 plejers wara li tkeċċa John Egan wara t-tieni karta safra. ALLAN SAINT-MAXIMIN tefa’ lil Newcastle fil-vantaġġ fil-55 minuta wara żball fid-difiża minn Enda Stevens. L-Iskoċċiż MATT RITCHIE għamilhom 2-0 fid-69 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa. Newcastle għalqu l-logħba fit-78 minuta permezz ta’ JOELINTON fuq pass ta’ Miguel Almiron.