Internazzjonali

Covid-19: Spanja tilqa’ lura lit-turisti fost it-tmiem tal-istat ta’ emerġenza

Spanja, sa fl-aħħar, neħħiet l-istat ta’ emerġenza li kien ilu effettiv għal ġimgħat u reġgħet fetħet il-fruntieri għall-viżitaturi minn diversi bnadi tal-Ewropa. Intant, it-turisti Britanniċi qed ikunu permessi li jidħlu fi Spanja mingħajr il-ħtieġa ta’ kwarantina.

Il-ftuħ mill-ġdid ta’ dan il-pajjiż qed jintlaqa’ b’sodisfazzjon wara li Spanja spiċċat suġġetta għal wieħed mill-aktar proċessi ta’ lockdown riġidi fost il-pajjiżi Ewropej u wara li ntlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija tal-Covid-19.

Intant, il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, insista li l-kontrolli tal-iġene fi Spanja xorta jridu jibqgħu osservati b’mod strett minkejja t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet.

Iċ-ċifra tal-mejtin mill-Covid-19 fi Spanja hi kalkulata qrib id-29,000  — li hi t-tielet l-ogħla waħda fost l-Istati tal-Unjoni Ewropea.

L-istat tal-emerġenza fi Spanja kien iddikjarat fl-14 ta’ Marzu  u, għal diversi ġimgħat, in-nies ma tħallewx joħorġu biex jagħmlu l-eżerċizzji u bit-tfal ikunu kostretti jibqgħu ġewwa akkost ta’ kollox.

Spanja, bħala medja, tattira mat-80 miljun turist fis-sena, bit-turiżmu jipprovdi aktar minn tnax fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta’ dan il-pajjiż.

L-ispinta lit-turiżmu waqt l-istaġun tas-sajf hi kruċjali ħafna għall-ekonomija ta’ Spanja li, issa, qed tittama f’żieda sostanzjali ta’ traffiku mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u mill-Stati oħrajn taz-Zona Schengen.

Fl-istess ħin, l-Ispanjoli jistgħu jivvjaġġjaw mill-ġdid f’arthom mingħajr ebda xkiel – għalkemm ir-regoli għal distanza soċjali se jibqgħu validi. In-nies fi Spanja anki qed ikunu kostretti li jilbsu l-maskri tal-wiċċ fil-ħwienet u fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku – minbarra li jridu jaħslu jdejhom ta’ spiss.

Il-Prim Ministru Sanchez insista li l-poplu Spanjol jeħtieġ jibqa’ viġilanti u jsegwi l-miżuri ta’ protezzjoni. Dan waqt li hu wissa dwar is-sogru ta’ tieni mewġa tal-coronavirus  li l-Ispanjoli ‘jeħtieġu jevitaw irrispettivament mill-impenn u l-miżuri involuti’.

Il-fruntiera tal-art ta’ Spanja mal-Portugall għandha tibqa’ magħluqa sal-Ewwel ta’ Lulju, fuq it-talba espliċità mill-awtoritajiet f’Lisbona.