Lokali

“Ejja naħdmu flimkien biex inħarsu l-aqwa interess ta’ pajjiżna għax għada se jkun tard wisq”

Irridu nagħtu l-aħjar tagħna u nqumu flimkien biex innaddfu isem pajjiżna

“Dan huwa ż-żmien fejn flimkien irridu niddefendu isem pajjiżna għal uliedna. Dan huwa l-mument li nagħmlu l-aqwa għażla u l-ġid għal pajjiżna. Jiena nemmen li fil-Partit Laburista hemm min huwa ġenwin u jħobb lil pajjiżu u rridu nqumu flimkien biex innaddfu isem pajjiżna minn dan il-ħmieġ qabel ma jkun tard wisq.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’appell imqanqal lil dawk kollha ta’ rieda tajba meta kien intervistat fuq NET Television.

Adrian Delia qal li kriminali ħatfu l-Partit Laburista, li kien il-partit tal-ħaddiema u użawh għall-iskopijiet tagħhom u biex jisirqu lin-nies. Dawn il-ftit nies li ħatfu lill-Partit Laburista għadhom hemmhekk u għadhom qed jibqgħu jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna u lir-reputazzjoni tagħna u dan fi żmien meta għajnejn id-dinja għadhom fuqna u meta hawn ħafna persuni li qegħdin ibatu, negozji li qed jaffaċċjaw id-diffikultajiet, ħaddiema bla xogħol u familji li mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar.

Meta n-nies għaddejjin minn dan iż-żmien diffiċli, l-Gvern juża l-flus tan-nies biex jgħatti l-verità u biex jagħmel reklami biex ipenġi kollox sabiħ u jgħidilna biss li se naslu sa Settembru. Kieku dawn il-flus kollha li qegħdin ninsterqu bil-korruzzjoni konna nużawhom biex ngħinu lil 110,000 persuna li l-Gvern ma għenhomx waqt l-imxija tal-virus, konna ngħinu lis-7,000 ħaddiem bla xogħol li għall-Gvern ma jeżistux, konna nraħħsu iktar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u konna ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna u nsaħħu l-pensjonijiet tal-anzjani tagħna.

Adrian Delia qal li iżda Robert Abela għandu idejh marbutin u ma jistax jiddeċiedi, u għal dan in-nuqqas li jiddeċiedi qegħdin ibatu l-familji tagħna. Huwa qal li Robert Abela minkejja li qalilna li ddiżgustat, irriżulta mill-midja issa li kien jaf b’dan id-deal korrot tal-Montenegro. Ilbieraħ skoprejna li Robert Abela daħak bin-nazzjon u bin-nies, u f’Novembru kien jaf kollox imbagħad wara li żdiedet il-pressjoni kien hu li mar jagħmel patt imxajtan sabiex iżomm il-kontinwità u l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, biex in-nies jibqgħu jinsterqu u l-flus imorru fil-but tal-korrotti.

Illum, Evarist Bartolo li huwa l-iktar politiku anzjan fil-Kabinett tal-Partit Laburista fil-kummenti tiegħu fil-mezzi soċjali qed jgħid eżattament dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista għal xhur sħaħ li minkejja t-tibdil fl-islogans tal-Gvern hemm kollox mherri u hemm struttura mibnija sabiex tiddefendi l-kriminali li qegħdin jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna. Adrian Delia qal li llum il-ġurnata dan qegħdin jgħiduh ukoll l-istakeholders u l-esperti u rridu nuru lil kulħadd li min żbalja jrid iħallas għal għemilu u ssir ġustizzja, rridu nuru li l-istituzzjonijiet tagħna mhux se jibqgħu maħtufa mill-Gvern. Dan meta daqt irridu mmorru għall-eżami tal-Moneyval din il-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna se tipperikola eluf ta’ impjiegi taż-żgħażagħ u l-professjonisti tagħna.

Adrian Delia appella biex flimkien bħala poplu magħqud nagħtu sinjal li l-affarijiet se jinbidlu, li se neqirdu darba għal dejjem is-serq mill-bwiet tan-nies li qed isir bil-korruzzjoni, f’dan il-mument qabel mar-reputazzjoni tagħna titkisser b’mod irreparabbli. Huwa qal li l-PN se jibqa’ jagħmel pressjoni fuq kull każ ta’ korruzzjoni, u jekk għal Robert Abela elezzjoni bikrija tista’ tkun soluzzjoni biex jgħatti dan il-ħmieġ kollu b’riżultat elettorali, l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem kuljum lejl u nhar biex tieħu l-aqwa deċiżjonijiet għal pajjiżna u biex nuru li kapaċi jkollna gvern alternattiv, gvern nadif, fejn mingħajr il-korruzzjoni l-ġid li noħolqu verament jasal għand kulħadd, li nistgħu ngħixu f’Malta aħjar u flimkien nagħmlu l-bidla li teħtieġ għal pajjiżna.