Lokali

F’nofs skandlu jaħraq…ma ssirx l-intervista ta’ Robert Abela

Il-fiduċja fil-Prim Ministru matul dan ix-xahar naqset bi 8 punti perċentwali

Kuntrarju għal dak li jagħmel issoltu, il-Prim Ministru Roberta Abela għażel li l-Ħadd ma jagħmel ebda intervista fuq il-media laburista. Dan meta suppost kien beda (ġimgħa ilu) serje ta’ intervisti mal-ġurnalisti indipendenti.

Jidher li dan il-mudell, li ilu ġimgħat sħaħ jintuża mill-Kap tal-PN Adrian Delia, ma tantx ġibed kummenti pożittivi. “Tħobbu kemm tħobbu, Abela mhux tajjeb għal dawn l-affarijiet”, qalilna wieħed mid-delegati li issa xeba bl-intriċċi li qed iċappsu isem il-Partit Laburista.

Net News hu infurmat li internament, inkluż fost il-ġurnalisti ta’ Robert Abela, qed tingħata l-iskuża li Abela mistenni jitkellem aktar tard fuq it-televiżjoni. Iżda veterani fil-partit u delegati li ilhom snin jaħdmu fil-Kumitati Lokali, qed jgħidu li l-Mexxej tagħhom missu tkellem dalgħodu biex ikisser l-istejjer li qed toħroġ il-media indipendenti dwar Yorgen Fenech u 17 Black…u biex itaffi wkoll mid-daqqa li ħa l-partit wara r-riżenja ta’ Chris Cardona.

37% qed jgħidu li ma jafux kif se jivvutaw jekk tasal elezzjoni

The Sunday Times of Malta

Skont stħarriġ tal-MaltaToday, il-fiduċja fil-Prim Ministru matul dan ix-xahar naqset bi 8 punti perċentwali. U l-probabbiltà hi li dawn ir-riżultati ma jirriflettux id-daqqa li ħa l-Partit Laburista wara li feġġ l-iskandlu tal-Montenegro.

Dan l-istħarriġ juri li l-appoġġ għall-Partit Laburista reġa’ mar fl-istess livell li kien fih f’Jannar li għadda, wara kriżi politika bla preċedent.

Survey separat sar mill-kumpanija EMCS u kien ippubblikat il-Ħadd fit-Times; survey li sar qabel l-iskandlu tal-Montenegro. Dan juri stampa simili ħafna għad-data preżentata mill-MaltaToday, għalkemm ipoġġi l-appoġġ lejn il-Partit Laburista fil-livell ta’ 38% u 15% għall-PN. Dan minn kampjun ta’ 376 persuna.

Iżda li hu interessanti huwa l-ammont kbir ta’ nies li sa issa ma jafux kif se jivvutaw; skont it-Times, dawn jammontaw għal 37%. Dan ifisser li aktar minn terz tan-nies ma jafux kif se jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss. U 10% qed jgħidu li mhux se jivvutaw.

L-istħarriġ ikkummissjonat mit-Times juri wkoll li n-nies ma jridxu aktar taqlib politiku u inċertezza. Fil-fatt, 78% qed jinsistu li l-Gvern għandu jagħmel it-terminu tiegħu kollu u mhux jispiċċa jsejjaħ elezzjoni ġenerali kmieni.