Lokali

Il-Partit Laburista jibqa’ jaħrab milli jippubblika l-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona

Għaddiet ġurnata oħra u minkejja talba wara oħra, ħadd għadu ma jaf għalfejn irriżenja minn Deputy Leader tal-Partit Laburista Chris Cardona.

Sal-lum, l-ittra tar-riżenja tiegħu għadha mistura u ħadd għadu ma raha. Filfatt il-Partit Laburista qed jibqa’ jaħrab it-talba ta’ Net News biex l-ittra ta’ Cardona tkun ippublikata.

L-ewwel talba tagħna saret lill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, George Azzopardi li waqt telefonata ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet tagħna.

It-tieni talba tagħna saret mal-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar il-Ġimgħa. Il-Prim Ministru saħaq li m’għandu l-ebda diffikultà jippublika din l-ittra u qal li l-ittra nkitbet fis-17 ta’ Ġunju u ingħatat lis-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Kien għalhekk illi la ħareġ il-kunsens tal-Prim Ministru biex din l-ittra tiġi ppublikata, Net News tkellem mal-persuna li Robert Abela qal li rċeviet l-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona. Catherine Fenech, is-Segreterju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Fenech ammetit magħna li kienet għadha ma semgħetx x’qal il-Prim Ministru u xtaqet li nibgħatu l-mistoqsijiet tagħna permezz ta’ email. Madanakollu, għalkemm din kinet xi ħaġa li l-Prim Ministru qal b’mod apert waqt konferenza tal-aħbarijiet, Fenech riedet li tisma x’qal Robert Abela u ma bdietx temmen li l-Prim Ministru qal hekk. Aħna offrejna li nsemmgħu x’qal il-Prim Ministru waqt it-telefonata iżda Fenech riedet kollox permezz ta’ email. Hi saħqet li ġaladarba Robert Abela jgħidilha biex tippublika l-ittra, hi hekk kienet se tagħmel.

Kien għalhekk illi bagħtna email bid-deċiżjoni tal-Prim Ministru lis-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista biex ningħataw kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona. Minkejja li fuq it-telefonata, Fenech talbet email biex tippublika l-ittra, fir-risposta tagħha rreferitna għand persuna oħra fi ħdan il-Partit Laburista. Din hija xi ħaġa li waqt it-telefonata qatt ma ssemiet.

Kien għalhekk illi kellna nagħmlu r-raba’ talba, din id-darba mal-Kap tal-Uffiċju Komunikazzjoni tal-Partit Laburista Ronald Vassallo. Talba li għaliha, sal-ħin ta’ dan il-bulettin bqajna mingħajr risposta.

Dan il-fattur qed ikompli joħloq aktar konfużjoni fil-Partit Laburista hekk kif jidher li hemm aktar nies b’aċċess għall-ittra filwaqt li numru mill-membri tal-Kabinett għadhom ma jafux għalfejn spiċċa mill-kariga Chris Cardona. S’issa ħadd għadu ma jaf għalfejn il-Partit Laburista qed ikompli jaħbi din l-ittra mill-pubbliku.