Lokali

Joseph Muscat jgħid li kien mhedded

Muscat kien staqsa lil Yorgen Fenech jekk isem Keith Schembri jissemmiex fir-recordings - Sunday Times of Malta

Wara l-iskandli kollha li ħarġu fl-aħħa 24 siegħa, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li f’Novembru li għadda – meta hu u l-Kabinett tiegħu kienu qed jiddeċiedu fuq il-proklami għal Melvin Theuma u Yorgen Fenech – ġie mhedded.

Dan intqal minn Muscat innifsu f’messaġġ twil li poġġa’ fuq Facebook; it-tieni wieħed tax-xorta tiegħu f’temp ta’ jumejn.

Muscat jikteb “ma nistax inħalli dak li ħareġ illum għaddej”. Hu jgħid illi m’għandux informazzjoni diretta iżda jista’ joqgħod biss “fuq li qal ġurnal” – b’referenza ċara għall-istorja fuq il-faċċata tat-Times fejn intqal li l-eks Prim Ministru kien staqsa lil Yorgen Fenech jekk isem Keith Schembri jissemmiex fir-recordings.

Fuq Facebook, Joseph Muscat kiteb li lilu provaw iċappsuh. U qal illi min għamel it-theddida kien biddel dik il-verżjoni ta’ kif ried jinqeda biex iħammeġ.

“Waqt li kont qed nieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq pariri tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija biex nagħti parir lill-President tar-Repubblika dwar proklami, waslitli theddida minn persuna magħrufa li jekk ma nimxix b’ mod partikolari, kien se jara li jien niġi mċappas”, mingħajr ma jsemmi l-isem tal-‘persuna’ li qed jirreferi għaliha.

Li hu żgur hu, li Joseph Muscat qed jirreferi għall-famuż lejl illi fih saret il-laqgħa-maratona tal-Kabinett Laburista; il-laqgħa fejn propju ġew deċiżi il-proklami. Yorgen Fenech ma kienx ingħata Maħfra Presidenzjali. Melvin Theuma kien ingħata.

Nhar l-Erbgħa, Net News żvela li f’dak l-istess lejl, Yorgen Fenech ried jgħaddi informazzjoni importanti lill-Pulizija. Ilbieraħ, diversi ġurnali rrappurtaw li l-imprenditur li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia, ried jikxef informazzjoni anke dwar il-każ skandaluż tal-Montenegro.

Intant, affaċjat b’fatti ġodda, Muscat qed jinsisti li din hi “evidenza iffabbrikata”. Jiċħad ukoll li prova jċempel il-ħabs biex jikkuntatja lill-akkużat.

U dwar il-“famuż” party tal-Girgenti, Muscat qal biss li l-istedina ħarġet bi ftehim mas-Servizzi tas-Sigurta’.