Allegazzjonijiet serji u reati dwar falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali, li skont is-sit elettroniku The Shift News nstab ħati taghhom il-magħżul tal-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, Lionel Gerada – il-persuna li għadu sal-lum jimmaniġġja baġit ta’ miljuni ta’ ewro bħala Kap tal-avvenimenti fl-MTA. Dan minkejja r-reati li nstab ħati taghhom fil-Qorti.
Lionel Gerada kien ammetta fil-qorti li uża fondi fdati lilu minn kumpanija b’mod illegali fejn anke uża ismijiet foloz. Ftit snin wara, fl-2007, Gerada kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena.
The Shift News kienu żvelaw li biex wieħed jieħu sponsorships mill-Awtorità tat-Turiżmu kien hemm żewġ metodi: jew billi tagħmel użu mill-mezzi uffiċjali jew billi jkellem lil Lionel Gerada.
Mijiet ta’ applikazzjonijiet li jammontaw f’eluf ta’ ewro ta’ sponsorhips ħolqu kontroversja, tant li bħalissa qed ikunu skrutinizzati sew mill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC.
F’Jannar li ghadda il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia qaltilna li jekk ikollna xi provi fil-konfront ta’ Gerada hi tieħu azzjoni minnufih pero 5 xhur wara għadha ma ħadet ebda deċiżjoni.
Ftit wara li l-Labour ħa l-poter fl-2013, Gerada kien impjegat minn Konrad Mizzi bħala person of trust, minkejja l-akkużi li affaċċja u l-ammissjoni fil-qorti ftit tas-snin qabel.
Fl-2015, Gerada kien ordnat iħallas €2,795 lil negozzjant tal-karozzi wara li naqas milli jħallas dak dovut għal xiri ta’ mutur. U fl-2017 kien ordnat mill-Qorti jħallas €3,300 għal servizzi ta’ perit li hu naqas milli jħallas.
Minkejja dawn il-fatti, Julia Farrugia issa qed tghidilna li tista’ taġixxi fil-konfront ta’ Gerada biss meta jkun hemm il-fatti u mhux se tieħu deċiżjonijiet.
Is-sit The Shift News kien żvela li fl-ewwel sena ta’ Gerada fil-kariga, il-baġit tal-avvenimenti tal-MTA sploda minn €2 miljuni għal €6 miljuni – u aktar minn terz tal-flus marru għand l-istess persuna.
//= $special ?>