Lokali

“Konferma tal-ħmieġ li l-Gvern ta’ Muscat daħħalna fih” – Sunday Times

“Dak li ħareġ s’issa fil-Qorti dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kien xokkanti, iżda għad irid joħroġ iżjed dwar il-ħmieġ li l-Gvern ta’ Joseph Muscat daħħalna fih.”

Hekk stqarr l-editur ta’ The Sunday Times of Malta fil-kummentarju tiegħu dwar dak li ħareġ mill-Qorti l-ġimgħa li għaddiet.

L-editorjal jgħid li l-investigazzjoni li saret minn Reuters hi konferma tas-serq li sar bejn politiċi u negozjanti fejn il-Maltin ġew misruqin mit-taxxi li jħalsu. Dan seħħ permezz ta’ tixħim bejn l-Enemalta u 17 Black, liema kumpanija hi l-istess waħda tan-negozjant Yorgen Fenech.

L-editorjal jgħid li l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel Robert Abela hi li jissospendi lil Muscat u lil Konrad Mizzi mill-Grupp Parlamentari sakemm l-investigazzjonijiet jiġu fi tmiemhom. Iżid jgħid li Muscat mhux postu li jkun il-konsulent tal-Gvern.

It-Times tfakkar li hemm diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom Moneyval li għandhom għajnejhom fuq Malta biex jaraw jekk il-Gvern hux se jkun qed jeqred il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni minn pajjiżna.

L-editorjal jgħid li m’hemmx skop ta’ dikjarazzjonijiet fil-vojt mill-Gvern jekk Abela ma jieħu azzjonijiet immedjati biex min m’għandux ikun fil-Gvern jitkeċċa immedjatament mill-pożizzjoni li jinsab fiha.