Lokali

Lejn riforma fl-ogħla inklużjoni u fit-tgawdija tad-diversità tas-soċjetà

Riforma biex il-politika f'pajjiżna tissaffa, tfiq u nagħtu bidu tassew ġdid għall-mod kif nagħmlu politika li tpoġġi l-ġid komuni bħala l-boxxla li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha

“Dejjem se jifdal ħwejjeġ li fuqhom ma naqblux u li jdejquna u li nikkritikawhom. Imma issa għal min irid il-bidla fil-Partit u fil-pajjiż ma jistax jibqa’ ċiċċi ċiċċi fuq il-pultruna.

“Nemmen li qed noffru viżjoni u missjoni li tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-firxa wiesgħa tal-poplu tagħna, fil-ġeneri kollha tiegħu, fl-etajiet kollha, fil-klassijiet kollha, u  fis-saffi kollha.

“Hija riforma tal-ogħla inklużjoni fit-tgawdija tad-diversità u l-ilwien kollha li minnhom hi magħmula s-soċjetà tagħna. Kulħadd mistieden biex ningħaqdu u naqilbu paġna ġdida fl-istorja – tal-Partit u ta’ pajjiżna.”

Dan qalu Louis Galea, il-persuna identifikata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u mit-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex fl-aħħar xhur b’ħidma kontinwa kkoordina l-proċess għar-Riforma u t-Tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

It-test sħiħ tal-kontenut tal-intervista ma’ Louis Galea hu:

1. Kif immatura dan l-Abbozz Statut Partit Nazzjonalista?

Ir-riforma hi frott id-djalogu fil-Partit tul is-sena li għaddiet.

F’Lulju tas-sena l-oħra Adrian Delia, bl-appoġġ tal-Kumitat Eżekuttiv, inkarigani nwettaq proċess li jista’ jwassal għal riforma u tiġdid tal-Partit.

Kien ċar li biex dan jista’ jsir kien meħtieġ li  nsieħeb lil kulħadd f’eżerċizzju miftuħ u liberu. Minn dakinhar sal-lum ma waqaftx niltaqa’ man-nies tal-Partit, nismagħhom, niddiskutu u nifhmu lil xulxin.

Tkellimt mad-Deputati individwalment diversi drabi; mal-Kumitati diversi drabi; mal-Kunsillieri; mal-membri tal-Fergħat. Irċevejt mijiet ta’ ittri u suġġerimenti, anke min-nies li mhumiex fil-Partit. Fuq kollox kelli laqgħat kontinwi mal-Kap tal-Partit u mat-Tmexxija.

Nemmen li l-proċess tad-djalogu fih innifsu hu importanti daqs ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet. Id-djalogu jservi biex tistabbilizza sitwazzjoni, toħloq atmosfera ta’ tolleranza, toħloq spazju liberu għall-espressjoni u l-ftehim, tagħti ċans li ideat diversi u kultant kontradittorji, jgħixu flimkien f’organizzazzjoni waħda.

Dan kollu jibda jwitti t-triq għal aktar għaqda u koeżjoni madwar il-ħwejjeġ l-aktar importanti u li dwarhom jista’ jinkiseb l-usa konsensus possibbli.

Il-Partit tagħna qatt ma kien, u lanqas mhux se jsir, organizzazzjoni reġimentata, monolitika. In-Nazzjonalisti jirrifjutaw li jkunu bħan-nagħaġ ta’ Bendu.

Iridu jgħidu u jżommu l-ideat tagħhom. Huwa Partit b’ħafna lwien u saffi li jirrappreżenta b’mod ħaj il-mużajk li minnu hi magħmula s-soċjetà tagħna.

Il-proċess li qed nagħmlu flimkien għandu wkoll dan l-iskop: li l-mużajk mhux niddilwuh f’kulur wieħed imma nirrestawrah biex toħroġ aktar is-sbuħija tad-diversità fl-għaqda madwar viżjoni u missjoni komuni.

2. X’jirrifletti u x’inhu l-iskop ta’ dan l-Abbozz Statut Partit Nazzjonalista?

L-istatut mhuwiex ir-riforma. Lanqas huwa xi bakketta maġika biex il-Partit joħroġ mid-diffikultajiet li  jinsab fihom.

L-istatut huwa biċċa għodda oħra. Huwa pjanta li fuqha rridu nibnu mill-ġdid il-Partit tagħna. Din il-pjanta issa se tkun approvata fil-Kunsill Ġenerali li se jiltaqa’ nhar il-Ħamis li ġej, 25 ta’ Ġunju.

Jekk kulħadd jieqaf hemm, il-proċess imut u kollox isir suf. Meta jgħaddi l-istatut jingħalaq kapitlu u jrid jinfetaħ ieħor. Ikun għadu biss il-bidu ta’ proċess ta’ ħafna xogħol, impenn, sagrifiċċji – mill-iżgħar sal-akbar fil-Partit.

3. X’jirrifletti l-istatut?

L-ewwel ħaġa jirrifletti kemm għandna partitarji, membri, li jemmnu fl-importanza ta’ dan il-Partit politiku.

L-interess li d-diskussjoni fil-Partit qanqlet fil-pajjiż hu wkoll xhieda tar-rwol storiku u fejjiedi li hu mistenni minna. Il-poplu jinsisti li jrid Partit Nazzjonalista kredibbli, organizzat, b’saħħtu, anke jekk fl-Oppożizzjoni.

Din hi sfida importanti li għandha teċċitana – sfida li qed tgħidilna li l-Partit Nazzjonalista hu rilevanti għall-poplu; li hu meħtieġ għall-pajjiż.

It-tieni ħaġa li jirrifletti li veru hemm bżonn proċess ta’ tiġdid, aġġornament.

Il-fatt li wasalna s’hawn jirrifletti li l-Kap, it-Tmexxija u l-membri jifhmu l-bżonn u huma determinati li jirrispondu għal din is-sejħa li partitarji u poplu qed jagħmlulna – qumu fuq saqajkom, ingħaqdu aktar, organizzaw, ħudu saħħitkom ħalli jkollna min jipproteġina u jmexxina.

It-tielet ħaġa hi li tul il-proċess joħroġ ċar x’wirt kbir hu l-Partit Nazzjonalista. Il-Partit, imwaqqaf fl-1880 minn Fortunato Mizzi, għadda minn fażijiet l-aktar diffiċli marbuta mal-istorja ta’ pajjiżna.

Kien wieħed mill-protagonisti ewlenin li sawwar lil pajjiżna għal dak li hu llum. Il-Partit hu istituzzjoni nazzjonali. Għalhekk ir-responsabbiltà fuq in-nies tal-Partit illum – żgħażagħ, nisa u rġiel – hi kbira mmens. Għandna r-responsabbiltà li nikkonsevaw dan il-wirt, inġedduh u nassiguraw li jgawdu minnu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

4. Lejn liema direzzjoni jrid iwassal lill-Partit Nazzjonalista dan l-Abbozz Statut Partit Nazzjonalista?

Ir-riforma tal-Partit Nazzjonalista għandha l-ewwel l-iskop li tagħmel mill-Partit moviment politiku mġedded għall-aħjar li jirrifletti l-aspirazzjonijiet u l-bżonnijiet tal-poplu.

Imma, bħala t-tieni skop, nemmenli għandna nniedu proċess, issa fil-pajjiż, biex il-politika inġenerali f’pajjiżna tissaffa, tfiq u nagħtu bidu tassew ġdid għall-mod kif nagħmlu politika li tpoġġi l-ġid komuni bħala l-boxxla li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha.

5. Mill-ġdid dan id-dokument jelenka fid-dettall il-prinċipji li jsawru lill-Partit Nazzjonalista. Ikkummenta.

Fl-Abbozz tal-istatut il-Partit qed jiġi mistieden iħaddan stqarrija dwar il-viżjoni u l-missjoni tiegħu aġġornata għas-soċjetà tal-lum u ta’ għada.

Fl-1975, 45 sena ilu, il-Partit kien ukoll irriforma u adotta statut ġdid li wara l-elezzjoni ġenerali tal-1976 wassal għall-għażla ta’ Eddie Fenech Adami bħala Mexxj tal-Partit.

Dakinhar konna wkoll aġġornajna l-iskopijiet tal-Partit. Għalkemm fil-qosor aktar minn dak li qed nipproponu llum, l-iskop tal-Partit kien inkarna s-sustanza ta’ dak li hu l-Partit, il-qofol tat-twemmin u l-viżjoni tiegħu fit-tul għal pajjiżna.

Illum għamilna eżerċizzju simili fid-dawl tal-iżviluppi kbar u storiċi li seħħew f’pajjiżna minn dak iż-żmien ‘l hawn. Din id-darba qed nagħżlu li nidħlu fi ftit aktar dettal, li nispjegaw ftit aktar, li nkunu anqas ġenerali f’dak li qed nistqarru.

L-iskop hu li nwieġbu b’mod kemm jista’ jkun ċar il-mistoqsija: Aħna min aħna? F’hiex nemmnu? Liema huma l-għażliet fundamentali li nemmnu għandna nagħmlu għall-ġid tas-soċjetà? Liema hu l-mudell politiku preferut tagħna?

Għal dawn il-mistoqsijiet u aktar qed nagħtu ħjiel tat-tweġiba fl-Artikolu 2 li hu l-aktar artiklu fundamentali, il-ġebla tax-xewka, għall-Partit Nazzjonalista.

6. Fil-verità f’termini ta’ twemmin u prinċipji f’hiex jaġġorna lill-Partit Nazzjonalista dan l-Abbozz?

Studju dwar kif evolva l-ħsieb u l-iskop tal-Partit ikun tassew interessanti. Dan ikun jirrikjedi li wieħed isib id-dokumenti u jara matul is-snin kif ġiet żviluppata l-formulazzjoni ta’ din l-istqarrija. Bidla sostanzjali kienet seħħet fl-1975 u kienet irtukkata wara l-elezzjoni tal-2013.

Illum l-aġġornament jikkonsisti sew fi stqarrija aktar wiesgħa tal-valuri u l-ideali li nħaddnu, kif ukoll aktar dettalji dwar pożizzjoni fuq oqsma speċifiċi fis-soċjetà li żviluppaw tul-aħħar 30 sena.

Meta naqra l-istqarrija tal-viżjoni u l-missjoni nsib li fil-qalb tagħha hemm il-viżjoni ta’ soċjetà dedikata għall-ġid komuni. Dan hu l-kunċett li jilluminana fil-ħarsien tal-valuri u l-prinċipji l-oħra. Madwar kultura ta’ ġid komuni nemmnu li għandna nfasslu u nwettqu soċjetà ġdida f’pajjiżna.

Nibdew billi nikkonfermaw l-isem tal-Partit; Partit Nazzjonalista, membru tal-Partit Popolari Ewropew.

Niddefinixxu dan billi nenfasizzaw li aħna Partit tan-nies; li l-politika hi vokazzjoni; li l-missjoni tagħna hi li nsevu l-ġid komuni u naħdmu b’risq id-dinjità umana.

Wara din id-dikjarazzjoni ġenerali mbagħad ngħaddu biex nistqarru u nispjegaw f’aktar dettall fejn iħabbtu ruħna u qalbna.

L-Artikolu fih għaxar paragrafi, b’kull paragrafu dedikat għal ġabra ta’ valuri. Kull kelma hi mimlija tifsir u nkitbu kotba sħaħ fuqhom.

Stqarrija bħal din trid tinqara aktar minn darba, tixtarra, tieqaf taħseb fuq kull kelma u frażi. Imma aktar min dan kollu l-isfida hi li nimpenjaw ruħna biex fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħixu b’impenn dawn il-valuri u prinċipji u nipperswadu lil ħaddieħor dwarhom.

L-ewwel stqarrija hi dwar l-iżvilupp. X’tip ta’ żvilupp il-Partit Nazzjonalista jimmira għalih? Tweġiba ċara: “…l-iżvilupp tan-nazzjon b’mod l-iktar sħiħ, ġust, demokratiku u sostenibbli għat-tgawdija ta’ kulħadd bil-ħarsien u t-twettiq tal-ġid komuni.”

Mela rridu l-ġid ta’ kulħadd. Imma minbarra l-ġid materjali u l-flus, lejn xi aktar qed inħarsu? Tweġiba ċara: Qed inħarsu ukoll lejn “…rispett sħiħ għall-valur tal-ħajja umana, għad-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana u għall-jeddijiet tagħha fi fraternità ta’ bnedmin f’umanità waħda b’diversità ta’ kulturi.”

Irridu wkoll “titjib tal-kwalità ta’ ħajja ta’ kull persuna”. Imma dan x’jinvolvi? Tweġiba ċara: “…il-libertà, id-demokrazija, l-ekwità, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali fi stat fejn tirrenja s-saltna tad-dritt.”

7. Ippermettili nistaqsik x’inhi l-politika għalina?

Il-politika qiegħda hemm għall-interessi u l-unuri personali? Le. Tweġiba ċara: Għalina l-politika hi “…l-ogħla sejħa u impenn għal sevizz b’rieda tajba  fl-interess tal-poplu u bħala għodda fejjieda u lajka fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum li jaffaċċjaw in-nies.”

8. Se nistaqsik ukoll x’tip ta’ stat – ta’  gvern – irridu li jkollna?

Tweġiba ċara: stat, gvern, “qaddej ta’ niesu”. Kif se nagħmluh dan? “Billi d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod trasparenti dejjem fl-eqreb livell tan-nies skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà bis-sehem attiv ta’ kull ċittadin.”

Fl-aħħar 45 sena, mir-riforma tal-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, id-dinja inbidlet mil-lejl għan-nar. Saret dinja waħda. Il-bnedmin qed jgħixu fi ‘global village’. Magħrufa bħala globalizzazzjoni. Dan seħħ b’pass mgħaġġel, bis-saħħa tar-rivoluzzjoni elettronika u teknoloġika. Fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha.

9. Nistgħu nreġġgħu lura dan il-fenomenu?

Nemmen li r-risposta hi li le, anke jekk qed ikun hawn diversi politiċi fid-dinja li joħolmu li nistgħu nirritornaw għal sitwazzjoni fejn ningħalqu bejn l-erba’ ħitan tan-nazzjon tagħna.

10. U x’inhi r-risposta tagħna għal dinja globalizzata?

Tweġiba ċara: “Is-solidarjetà hi t-tarka ewlenija biex ħadd ma jibqa’ lura fil-mixja tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali u fis-sevizzi li joffri l-Istat.”

Il-viżjoni tagħna hi li l-poplu kollu jgawdi l-aqwa ġid. Mhux xi settur wieħed. Mhux xi ftit individwi. Mhux xi klikka li tkun ħatfet il-poter.

Il-Partit Nazzjonalista dan urih kull darba li kien fil-Gvern, l-ewwel billi kiseb l-Indipendenza ta’ pajjiżna, iċ-ċavetta ta’ kull żvilupp. Imbagħad billi immodernizza l-pajjiż f’kull qasam u immultiplikah meta sseħibna fl-Unjoni Ewropea.

Minbarra li d-dinja nbidlet, anke s-soċjetà nbidlet mil-lejl għan-nhar. Fil-biċċa l-kbira bis-saħħa tar-riformi, il-programmi u l-ftuħ b’suċċess li wettaq il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. U anke b’dak kollu li seħħ fl-aħħar snin bi Gvern Laburista.

Is-soċjetà saret aktar pluralistika u aktar multi-kulturali. Dan il-fenomenu joffri sfidi u opportunitajiet ġodda.

11. X’inhi r-risposta tagħna?

Tweġiba ċara: “Il-Partit jemmen f’soċjetà inklussiva fejn tixxettel l-għaqda b’kultura ta’ djalogu fir-rispett tad-diversità ta’ fehmiet u twemmin, u fejn jopponi  kull forma ta’ mibegħda u vjolenza.”

Iżda fid-dinja qed iseħħu traġedji li ħafna minnhom qed inġibuhom b’idejna aħna l-bnedmin. Ħafna pajjiżi, gvernijiet, industriji u ħafna bnedmin iqisu pajjiżhom u r-riżorsi tiegħu bħallikieku huma propjetà privata tagħhom, bla kuxjenza għall-konsegwenzi li din l-imġiba jkollha fuq pajjiżhom u fuq id-dinja. Minn naħa tagħna aħna qed niddikjaraw “lid-dinja bħala d-dar komuni tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri”. Aħna biss il-kustodji u mhux il-propjetarji assoluti.

12. Fl-isfond ta’ dan kollu x’qed nipproponu?

Il-Partit Nazzjonalista għaldaqstant “jagħraf li l-aqwa mezz biex iseddaq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hu li bi prijorità jħares u jippromwovi l-ambjent, ir-riżorsi naturali, il-beni komuni u l-ispazji pubbliċi.

“Il-Partit iqis l-ambjent bħala parti essenzjali mill-wirt komuni tal-bniedem. F’dan kollu jagħti prijorità lit-tibdil fil-klima u dan jagħmlu b’kejl li jqis il-ġustizzja ambjentali u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri.”

Wara li nistqarru b’mod l-aktar ċara l-bażi tal-viżjoni u t-twemmin tagħna, imbagħad nagħtu indikazzjoni ta’ kif dan se nwettquh fil-prattika. Nimpenjaw ruħna li naħdmu fi djalogu ma’ kull min għandu għal qalbu l-ġid komuni tal-poplu u tal-bnedmin in ġenerali.

Nagħlqu dan l-Artikolu billi insostnu ħames affarijiet:

“Il-Partit iwettaq dawn il-prinċipji u jimpenja ruħu li jaħdem biex:

• kulħadd jiżviluppa u jgawdi saħħtu, mill-konċepiment sal-aħħar nifs, bl-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, f’familja mibnija fuq l-imħabba, mingħajr id-dellijiet ta’ faqar, diskriminazzjoni, abbuż u esklużjoni;

• kulħadd, tul ħajtu, ikollu l-opportunità għall-edukazzjoni u li jiżviluppa l-ħiliet individwali tiegħu bl-għajnuna tal-aqwa tagħlim u appoġġ personalizzat, u li jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja tal-familja, tax-xogħol u tas-soċjetà ċivili;

• kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust, u f’qafas ta’ istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-impriżi, partikolarment dawk żgħar u medji, li jippromwovu l-inizjattiva u l-imprenditorjalità b’investiment qawwi fil-faċilitajiet tar-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni;

• kulħadd jibbenefika mit-tkattir tal-faċilitajiet kulturali u jistagħna fl-għarfien u l-imħabba tal-wirt storiku, kulturali u tal-arti biex nibqgħu niġġeddu soċjalment bil-ħiliet kreattivi u artistiċi tal-poplu tagħna; u

• il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkollhom Stat li jibqa’ jagħmel kemm jista’ biex iseħħu l-paċi u l-ġustizzja f’Malta, fl-Ewropa u fid-dinja, l-aktar fil-Mediterran fejn jiltaqgħu u jitħalltu ċiviltajiet differenti.”

13. F’termini ta’ struttura l-Abbozz Statut PN jitkellem dwar tliet oqsma ewlenin li jridu jaħdmu f’sinerġija ma’ xulxin. Fissirli ftit.

L-istatut il-ġdid jipproponi li jiġbor l-istrutturi u l-organizzazjoni tal-Partit fi tliet oqsma:

1. il-governanza tal-Partit;

2. ir-rappreżentanza tal-poplu; u

3. il-komunikazzjoni.

L-ewwel waħda titkellem dwar il-governanza, it-tmexxija, interna tal-Partit. Hawnhekk qed inħaddmu l-mudell ‘bottom up” – għalina l-bażi hija t-tesserati u l-Kumitati Sezzjonali; fuq dawn irridu nibnu l-Partit u l-organizzazzjoni tiegħu.

It-tieni waħda tittratta l-livell tar-rappreżentanza tal-Partit f’isem il-poplu fuq il-livell lokali (Kunsilli), il-livell nazzjonali (Parlament) u l-livell Ewropew Parlament Ewropew).

It-tielet parti tagħmel enfasi fuq il-funzjoni tal-Partit li jikkomunika b’mod effettiv f’dinja fejn seħħet rivoluzzjoni sħiħa fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, speċjalment bil-fenomenu tal-midja soċjali.

14. Mingħajr ma nidħlu f’ħafna dettall, għaliex hemm id-dokument li kulħadd jista’ jaqra, l-Abbozz Statut Partit Nazzjonalista jelenka diversi aġġornamenti fir-rigward tal-governanza tiegħu. Spjegali l-bidliet prinċipali.

L-ewwel iċċarajna r-regoli tas-Sħubija (tesserati) u ħloqna kategorija ġdida ta’ membri assoċjati għal dawk l-eletturi barranin li jistgħu bil-liġi jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali u għall-Parlament Ewropew.

Hawn nistqarru prinċipju fondamentali meta ngħidu: “Lebda persuna ma tista’ tiġi prekluża minn sħubija fil-Partit fuq xi bażi ta’ diżabbiltà, sess, orjentament sesswali, razza, twemmin reliġjuż jew identità tal-ġeneru.”

Imbagħad ngħaddu għall-Kumitati Sezzjonali fejn inpoġġu fil-prattika t-twemmin tagħna dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Il-mira f’kull kumitat trid tkun ta’ 20% żgħażagħ, 40% nisa u 40% irġiel.

Minn dan il-livell imbagħad ħloqna livell ġdid – il-livell tal-Kumitat Reġjonali. Hawn, tliet distretti jinġabru flimkien biex jippjanaw il-ħidma politika u l-organizzazzjoni b’mod aktar effettiv. Se jkollna ħames reġjuni: erbgħa f’Malta u wieħed għal Għawdex. Kull Distrett u kull Kumitat Distrettwali se jkun rappreżentat fil-Kumitat Eżekuttiv.

Wara nsibu Artikoli dettaljati dwar il-Kumitat Amministrattiv, il-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali. Nispjegaw kif kull wieħed minn dawn l-organi huwa ffurmat; x’funzjonijiet u poteri għandu; liema huma l-uffiċjali tal-Partit u kif jiġu eletti. Anke hawn trid tapplika r-regola ta’ preżenza ta’ nisa u żgħażagħ. Qed noħolqu struttura oħra ġdida – Forum tal-Fergħat – li se jiġbor fi ħdanu l-friegħi kollha – inkluż waħda ġdida dwar l-isport – għal aktar sinerġija u networking.

Qed nieħdu ħsieb ukoll inizjattivi ġodda: Ir-rwol tas-Segretarju Ġenerali kien iffokat aktar fuq il-ħidma politika tal-Partit. Se jkollna Segretarju Eżekuttiv Organizzativ jassisti lis-Segretarju Ġenerali fil-ħidma ta’ kuljum. Is-Segretarju Ġenerali għandu wkoll responsabbiltà speċjali għall-komunikazzjoni tal-Partit. Iċċarajna u saħħaħna r-rwol tal-ELCOM.

Imbagħad qed noħolqu żewġ Presidenti – għal Riċerka Politika u għal Djalogu Soċjali. B’dawn il-bidliet irridu li jkollna fokus akbar u aktar effettiv fuq dawn iż-żewġ oqsma li huma kruċjali biex aħna ngħixu u nwettqu l-viżjoni u l-missjoni li qed nistqarru.

Il-funzjoni prinċipali tal-President Riċerka Politika hi li “jsegwi dawk l-inizjattivi kollha neċessarji biex il-Partit ikollu strateġija politika aġġornata, rilevanti u effettiva li taħseb għal qafas tas-sustanza politika li tkompli ssaħħaħ il-ġid komuni f’pajjiżna.” 

Il-President Djalogu Soċjali jrid jaħdem biex “jippromwovi kultura politika li tħaddan u tħaddem l-għodda tad-djalogu fir-rispett tad-diversità bħala approċċ għas-soluzzjoni tal-problemi fis-soċjetà.”

L-uffiċjali kollha tal-Partit huma mistennija li jaħdmu flimkien bl-iskop li jippromwovu spirtu attiv ta’ ingaġġ ċiviku fil-membri tal-Partit u fiċ-ċittadini inġenerali bl-iskop li dawn jagħtu sehem pubbliku favur politika li ġġib il-bidliet meħtieġa għat-twettieq tal-ġid komuni.

Naturalment għandna l-uffiċjali l-oħra kollha – President Kunsill Ġenerali, Chairperson Kumitat Eżekuttiv, Chairperson Kumitat Amministrattiv, Segretarju Internazzjonali u Teżorier.

Il-Grupp Parlamentari jagħżel is-Segretarju tiegħu u l-Kulleġġ Kunsillieri Lokali jagħżel il-President tiegħu. Imbagħad kull Fergħa għandha l-uffiċjali tagħha. Fuq dawn kollha  hemm il-Kap u l-Viċi Kapijiet.

Deċiżjoni importanti li ħadna tirrigwarda l-Amminstrazzjoni tal-kumpaniji kummerċjali tal-Partit. S’issa ir-responsabbiltà għal dawn hija vestita fis-Segretarju Ġenerali.

Aħna qbilna li noħolqu distinzjoni netta bejn it-tmexxija politika u t-tmexxija ta’ inizjattivi kummerċjali u finanzjarji. Dawn tal-aħħar se jgħaddu f’qafas li se jkollu l-awtonomija meħtieġa.

L-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit se tibqa’ ssir mit-tesserati tal-Partit fil-Konvenzjoni Ġenerali, filwaqt li wara l-elezzjoni ġenerali se mmorru għal Viċi Kap wieħed.

Lill-President tal-Kunsill Ġenerali qed nagħtuh funzjoni ġdida importanti – dik li “jkun il-gwardjan tal-governanza tajba tal-istrutturi kollha tal-Partit, u li jara li l-Istatut tal-Partit ikun ossevat u applikat mill-organi u l-organizzazzjonijiet kollha tal-Partit”.

Ħloqna wkoll Kunsill Konsultattiv Anzjan li jiġbor fih l-Eks Kapijiet, Viċi Kapijiet u Segretarji Ġenerali li jkunu rtiraw minn kull kariga li seta’ kellhom fil-Partit.

Hemm valur li l-Partit iżomm kuntatt ħaj ma’ personalitajiet bħal dawn għall-esperjenza li ġabru tul is-snin li ħadmu għall-pajjiż u l-Partit.

15. L-Abbozz jitkellem ukoll dwar ħidmet il-PN fuq livell ta’ Parlament Malti, Ewropew u fil-Kunsilli Lokali. Nifhem li dan hu tisħiħ fuq dak li qed isir bħalissa?

Din hi t-taqsima li fiha l-anqas tibdil. Il-pass importanti li ħadna hu li elevajna l-pożizzjoni tal-Kulleġġ Kunsillieri għall-istess taqsima tal-Grupp Parlamentari u żidna r-rappreżentanza ta’ dawn fil-Kumitat Eżekuttiv.

16. L-Abbozz Statut PN jagħti importanza wkoll lill-komunikazzjoni tal-Partit biex iwassal il-messaġġi tiegħu. X’tgħidli?

Jiena naqbel li l-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni hija materja professjonali, xjentifika, teknoloġika li titlob nies li huma mħarrġa, esperti u għandhom l-esperjenza.

Ħafna minnhom huma individwi li tkun trid tingaġġahom fuq kuntratt ta’ xogħol. B’danakollu nemmen li d-direzzjoni politika dejjem hi meħtieġa u trid tibqa’ f’idejn il-politiċi. Dan se nagħmluh permezz ta’ Direttur li jmexxi d-Direttorat tal-Komunikazzjoni.

17. L-Abbozz jaħseb ukoll għal twaqqif ta’ numru ta’ Kummissjonijiet… x’inhu l-iskop tagħhom?

Nemmen li din hi waħda mit-taqsimiet l-aktar importanti għall-futur tal-Partit.

Il-Kummissjoni Kandidati ġiet riformata biex issir proattiva u bir-responsabbiltà għall-għarbiel li minnu jridu jgħaddu kull min ikun kandidat sew għal xi elezzjoni fil-pajjiż kif ukoll għal xi elezzjoni fil-Partit.

Sawwarna mill-ġdid Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Midja Soċjali. Din il-Kummissjoni għandha “tirregola l-etika, id-dixxiplina u l-imġiba xierqa fost il-membri tal-Partit, inkluż dwar kontributi minnhom fil-midja soċjali li jitqiesu li jonqsu mir-rispett għad-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; li jippreġudikaw l-interessi tal-Partit; jew li jagħmlu ħsara lil xi membru… tal-Partit.”

Il-Kummissjoni għandha wkoll ir-responsabbiltà tirrakkomanda x’passi ta’ dixxiplina għandhom jittieħdu fejn ikun hemm nuqqasijiet minn membri tal-Partit.

It-tielet waħda hi kompletament ġdida – Kummissjoni Elettorali, Data u Rekords.

Din se tkun Kummissjoni permanenti u indipendenti li tinħatar wara kull elezzjoni ġenerali bil-funzjoni li tmexxi l-elezzjonijiet kollha interni fil-Partit mil-livell lokali sal-livell nazzjonali. Dan hu maħsub li jassigura trasparenza, osservanza tar-regoli, u protezzjoni tad-data li l-Partit iżomm fuq il-membri tiegħu.

18. Nifhem li dan Abbozz Statut PN li se jimmodernizza lill-Partit… kemm hu importanti li kulħadd jipparteċipa f’dan it-tiġdid u b’mod partikulari ż-żgħażagħ?

L-isfida u l-ħidma se jibdew ISSA. Dak kollu li għamilna tul is-sena li għaddiet jisfa fix-xejn jekk fil-Partit, mill-kbir saż-żgħir, ma jidħlux b’mod ġenwin fl-ispirtu tar-riforma.

Ilkoll irridu nħaddnu u ninkarnaw fina l-viżjoni u l-missjoni, u nxammru l-kmiem għal ħidma kbira u fejjieda li tista’ tagħti riżultati tajbin għall-ġid tal-Partit u tal-pajjiż. F’dan kollu in-nisa, tfajliet u ġuvintur jista’ jkollhom rwol ta’ protagonisti mill-aktar importanti u determinanti.

19. B’dan l-Abbozz Statut PN, il-Partit se jkun qed jappella għal firxa usa’ ta’ elettorat?

Iva. Dejjem se jifdal ħwejjeġ li fuqhom ma naqblux u li jdejquna u li nikkritikawhom. Imma issa għal min irid il-bidla fil-Partit u fil-pajjiż ma jistax jibqa’ ċiċċi ċiċċi fuq il-pultruna.

Nemmen li qed noffru viżjoni u missjoni li tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-firxa wiesgħa tal-poplu tagħna, fil-ġeneri kollha tiegħu, fl-etajiet kollha, fil-klassijiet kollha u fis-saffi kollha. Hija riforma tal-ogħla inklużjoni fit-tgawdija tad-diversità u l-ilwien kollha li minnhom hi magħmula s-soċjetà tagħna.

Kulħadd mistieden biex ningħaqdu u naqilbu paġna ġdida fl-istorja – tal-Partit u ta’ pajjiżna.