Internazzjonali

Renju Unit: Attakk f’Reading li ħalla diversi mejtin u midruba qed ikun trattat bħala terroriżmu

Il-pulizija qed titratta attakk qattiel li seħħ fil-belt ta’ Reading matul il-lejl tas-Sibt bħala wieħed terroristiku. Dan meta l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, sostna li l-awtoritajiet iridu jitgħallmu l-lezzjonijiet minn dawn il-każi u li l-istess awtoritajiet mhumiex se jżommu lura minn kull azzjoni neċessarja,

Intant, raġel ta’ 25 sena, indikat bħala Libjan, qed jgħin l-istħarriġ tal-pulizija wara li tliet persuni spiċċaw attakkati u maqtula minn aggressur armat b’sikkina ġo park u fejn indarbu tliet persuni oħra fl-istess inċident. Ir-raġel suspettat, imbagħad, spiċċa arrestat fiz-zona tad-delitt.

Il-park inkwistjoni jismu Forbury Gardens u bħalissa qed jgħinu wkoll fl-investigazzjoni numru ta’ aġenti mit-taqsima għal kontra t-terroriżmu.

Sorsi qrib il-Ministeru għall-Intern Britanniku qalu li s-suspettat, qabel, kien għamel żmien il-ħabs għal reat ‘mhux daqstant sinifikanti’ u li ma kienx relatat mat-terrur. Sadanittant, l-awtoritajiet kienu qed jinvestigaw jekk ir-raġel setax spiċċa ‘radikalizzat’ fiż-żmien li dam il-ħabs.

In-nies li raw l-attakki qed iseħħu, fil-lejl tas-Sibt, f’Forbury Gardens, qalu li r-raġel armat beda javviċina gruppi ta’ nies fl-inħawi fejn ipprova jħebb għalihom b’sikkina. Il-park kien mimli bin-nies li telqu jiġru ‘il hinn malli indunaw bl-intenzjonijiet vjolenti tar-raġel li beda jattakka lil kulmin ra quddiemu, bl-aktar mod indiskriminattiv.

Ir-rapporti qalu li l-aggressur ‘irnexxielu jħalli diversi vittmi warajh’ sakemm uffiċjal tal-pulizija li wieġeb għall-emerġenza ‘tar għal fuq ir-raġel, rażżnu u żammu mal-art’ sakemm waslu fuq il-post xi pulizija oħrajn li kontrollaw is-sitwazzjoni.

Il-Kap Supretendent Ian Hunter, tat-Thames Valley Police, qal li l-pulizija mhix qed tfittex persuni oħrajn b’konnessjoni mal-attakk u ‘qed tikkalkula kwalunkwe raġuni u sors ta’ motivazzjoni wara l-qtil u l-feriment tan-nies fl-attakk brutali’.

Il-Pulizija ċċaraw li l-inċident ma kienx marbut ma’ dimostrazzjoni kontra r-razziżmu bit-tema ‘Black Lives Matter’ li kien sar ftit qabel, fl-istess park.

Ir-residenti ta’ Reading jinsabu xukkjati u fi stat ta’ luttu, bl-awtoritajiet jagħlqu l-aċċessi għall-park fejn seħħew l-attakki, l-istess bħal fil-każ ta’ diversi toroq li wkoll ġew iddikjarati ‘no-go areas’.

Il-Prim Ministru Johnson, esprima simpatija u solidarjetà ma’ kulmin spiċċa affettwat minn dan il-każ xokkanti f’ Reading, li għandha reputazzjoni bħala belt kwieta u multi-kulturali.

Min-naħa tagħha, il-Ministru tal-Intern, Priti Patel, esprimiet ‘tħassib profond dwar l-inċident’, bil-Kunsill ta’ Reading ifisser l-attakk bħala ‘wieħed bla sens u orribbli f’inħawi mimlija bin-nies li kienu qed jissoċjalizzaw ma xulxin’.