Lokali

Robert Abela jibqa’ ma jkeċċix lill-konsulent tiegħu Joseph Muscat

"Qed nibrillaw fil-governanza tajba" - Robert Abela

Wara l-allegazzjonijiet serjissimi li ħarġu llum dwar l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li illum mhux biss hu deputat iżda huwa wkoll konsulent tal-Prim Ministru, jidher li Robert Abela għadu qed ikaxkar saqajh biex ikeċċih – Abela għadu qed iżomm miegħu kemm lil Muscat u anke lid-deputat Konrad Mizzi, li reġa’ qed jissemma’ fl-iskandlu tal-Montenegro.

Meta tard il-Ħadd filgħaxija kien intervistat fuq il-media laburista, kulħadd stenna li Abela se jikkundanna l-istorja li ħarġet fit-Times dwar il-kuntatt li allegatament kellu Muscat ma Yorgen Fenech f’Novembru li għadda biex jistaqsih jekk Keith Schembri jissemmiex fir-recordings tal-middleman.

Quddiem din l-istorja xokkanti dwar il-konsulent ekonomiku tiegħu, Robert Abela ma lissen ebda kelma. F’din l-intervista…wara jum sħiħ fil-muta… l-ewwel kliem li lissen il-Prim Ministru kienu biss “kemm jien kburi”

Dwar it-tellieqa għal Deputy Leader ġdid, Abela qal li l-proċess għas-suċċessur ta’ Cardona (mingħajr ma semmih b’ismu) se jibda minn għada.

Robert Abela qal li l-laqgħa tal-Eżekuttiv ta’ għada se ssir f’Marsaxlokk, fejn se ssir ukoll laqgħa tal-Amministrattiv tal-Partit Laburista.

Hu kkonferma wkoll l-aħbar ta’ Net News fejn konna żvelajna li Abela irid ibiddel l-istatut biex jagħlaq il-bieb għad-deputati li huma kritiċi u fil-miftuħ qed jopponuh – speċjalment fil-mod kif qed jaffaċja l-kriżi preżenti fil-Grupp Parlamentari tiegħu.

Robert Abela fl-ebda mument ma rringrazzja lil Chris Cardona għax-xogħol li wettaq fil-partit, u ma semma’ xejn dwar l-ittra tar-riżenja – hekk kif ħafna delegati qed jinsistu li din l-ittra, effettivament, ma teżistix.

Matul l-intervista, Robert Abela qal li l-politika hi ħajja ta’ ħafna sagrifiċju “u quddiem il-mewġ ma tridx taqta’ qalbek”.

Hu insista li bħalissa “qed nibrillaw fil-governanza tajba” u li qed indawwru l-affarijiet bil-kontra.

Intant, il-Prim Ministru qal li sax-xahar id-dieħel se jkun qed jingħalaq il-pakkett il-ġdid ta’ fondi mill-UE għas-7 snin li ġejjin. Abela wiegħed li se jkun qed iġib pakkett b’saħħtu, u li se jissupera l-pakkett li kien ġab l-aħħar Gvern Nazzjonalista.