Lokali

Skiet totali mill-Pulizija

Skiet totali mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri. Dan hekk kif wara 24 siegħa li net news bagħat serje ta’ domandi, dawn  baqgħu mhux imwieġba – mistoqsijiet li kollha jitrattaw l-aħħar żviluppi dwar l iskandlu ta’ 17 Black u l-miljuni li għaddew wara x-xiri tal-windfarms

Il-proġett fil-Montenegro huwa wieħed li sewa lill-pajjiż 10 miljuni, u li warajh kien hemm Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat.

Net news saqsa lill-Pulizija jekk immedjatament wara li ħarġu d-dettalji ġodda minn Reuters, bagħtux għal Muscat biex jinterrogawh. Saqsejna ukoll jekk investigawx lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.

Iżda dwar dan kollu, skiet totali mid-Depot. U l-aġent kummissarju jinsab totalment fil-muta.

Apparti l-istorja żvelata minn Reuters, din il-ġimgħa komplew joħorġu diversi fatti xokkanti.

Fost l-oħrajn, issemma kif Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat b’kompliċità fl-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien lest jiżvela kollox dwar l-iskandlu tal-Montenegro lura fis-26 ta’ Novembru, 2019 – jumejn qabel il-laqgħa tal-kabinett storika tul il-lejl fil-qalbha ta’ Kastilja.

Din it talba ta Fenech kienet ġiet rifjutata, u lanqas l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla ma kien iltaqa’ ma’ Fenech biex jinvestiga l–informazzjoni sensittiva li kellu, u li setgħet tikxef xibka ta’ korruzzjoni fil-Gvern.