Internazzjonali

Stati Uniti: Folla diżappuntanti għal rally ta’ Trump f’Tulsa

Il-President Amerikan, Donald Trump, indirizza l-ewwel attività politika għall-pubbliku minn wara l-lockdown tal-coronavirus — b’din l-attività (rally) tinkwadra fil-kampanja tiegħu biex, f’Novembru, jerġa’ ikun elett Mexxej tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Repubblikam.

Madankollu, ir-rally fil-belt ta’ Tulsa, fl-Istat ta’ Oklahoma, attira folla diżappuntanti, bl-arena li serviet bħala sit – il-Bank of Oklahoma Center  li jiflaħ għal 19,000 ruħ ( bil-qiegħda) — ikollha ħafna postijiet vojta.

Qabel l-attività kien hemm l-inkwiet dwar ‘kemm kienet idea tajba’ li ssir dimostrazzjoni tal-massa waqt il-pandemija tal-coronavirus.Intant, il-folla żgur ma kenitx tal-livell li kien qed jistenna Donald Trump li, qabel, ftaħar li ‘kważi miljun persuna kienu talbu l-biljetti għal dan ir-rally’.

L-Istat ta’ Oklahoma hu fortizza tar-Repubblikani u Trump, waqt diskors ta’ kważi sagħtejn, tkellem dwar il-Covid-19 u l-effetti tiegħu fis-soċjetà.

Intant, in-nies li attendew ir-rally f’Tulsa kellhom jiffirmaw dokument bil-għan li l-kampanja ta’ Trump ma tinżammx kontabbli f’sitwazzjoni potenzjali fejn il-partitarji jispiċċaw morda. Sigħat qabel l-avveniment, sitt membri tal-istaff involut fl-organizzazzjoni tar-rally kienu testjaw pożittiv għall-coronavirus.

Fl-istess ħin, Trump qal li ‘l-istampa u d-dimostranti waqt l-attivitajiet ta’ Black Lives Matter kienu jaħtu’ talli l-partitarji ma attendewx b’mod daqstant numeruż għar-rally ta’ Tulsa. L-avveniment, intant, kien wieħed mill-akbar attivitajiet politiċi organizzati ġewwa kumpless fl-Istati Uniti mindu feġġet il-pandemija fil-pajjiż. Dan kellu jsir ukoll fi żmien meta qed jiżdiedu l-każi tal-Covid-19 f’Oklahoma.