Lokali Qorti

Xibka ta’ intriċċi

Nillimitaw biss għall-fatti li jirriżultaw mill-Qrati u minn sorsi uffiċjali oħrajn u tinbena din ix-xibka infinita ta’ intriċċi, kuntatti, relazzjonijiet u manuvri.

Xibka impressjonanti. Delitt jew delitti. Kriminalità organizzata. Uħud minnha magħrufa. U ħafna aktar mistura. Trasferimenti ta’ flejjes kbar. Xiri ta’ nies. Ħasil ta’ flus maħmuġa. Manuvri u theddid.  Falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Dan kollu f’pajjiżna. F’Malta. U l-agħar hi li għandna istituzzjonijiet maħkuma li ma jitħallewx jiffunzjonaw u jaħdmu. Għandna Stat li jipproteġi lil ċerti kriminali. Għaliex huma viċin ta’ Kastilja. Jew kienu jimmilitaw f’Kastilja.

Qed ngħixu f’pajjiż mhux normali. Għax f’pajjiż normali dawn l-affarijiet ma jsirux. Ċioè jekk isiru, min ikun hemm moħbi wara dawn id-delitti u reati jkun arrestat, investigat u mressaq il-Qorti biex jieħu dak li ħaqqu.

Dan il-kwadru ma jimmeritax aktar kumment… Fih innifsu jwassal messaġġ qawwi…. u kulħadd jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.

ĊENTRU NAZZJONALI LABURISTA, ĦAMRUN

2013 – bi tħejjija għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu… sensiela ta’ laqgħat siġrieti fir-Raba’ Sular li fihom kien ikun hemm parteċipazzjoni minn Joseph Muscat, Keith Schembri u numru limitat ta’ persuni oħrajn fdati b’mod esklussiv.  Skont l-Ispeaker Anglu Farrugia spiss fir-Raba’ Sular kien jara deħlin nies midħla tan-negozju.

BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA

2013 – il-Partit Laburista jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali. Joseph Muscat jieħu l-ġurament bħala Prim Ministru. Minn Kastilja jissoktaw tħejjijiet imnedija fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel… għal darba oħra bl-involviment ta’ ċirku limitat ħafna ta’ nies fdati b’mod esklussiv.

IL-QTIL TA’ DAPHNE CARUANA GALIZIA, BIDNIJA

2017 – fis-16 ta’ Ottubru jseħħ id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Tinqatel b’bomba fil-karozza li kienet qed issuq. Bomba qawwija li regħdet il-Bidnija u l-inħawi. Bomba li ħasdet lil din il-mara u lill-pajjiż kollu u anki lill-komunità internazzjonali. Xokk kbir li qatt ma kien mistenni. Xi ħadd ried jagħlqilha ħalqha… jew ipattihielha għal informazzjoni li kienet ħarġet.

NEXIA BT

2013 – deskritta bħala l-Mossack Fonseca ta’ Malta mmexxija minn Brian Tonna u Karl Cini, Nexia BT titqabbad biex tiftaħ kontijiet sigrieti fil-Panama. Isiru kuntatti ma’ Mossack Fonseca. Jinfetħu tlett kumpaniji sigrieti biex allegatament jintefgħu fihom flus maħmuġa ġejjin mill-korruzzjoni:

Hearnville Inc.

Tillgate Inc.

Egrant Inc.

Brian Tonna u Karl Cini spiċċaw fiċ-ċentru ta’ korruzzjoni serja u ħasil tal-flus sa mill-2013. Huma kellhom rwol ewlieni f’kull rivelazzjoni tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus mid-dokumenti tal-Panama Papers kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet mill-FIAU.

ELECTROGAS POWER STATION

2013 – il-Gvern Laburista, appena fil-poter, mill-ewwel beda jikkonkretiizza n-negozjati għall-iżvilupp ta’ power station ġdida f’Delimara li l-pajjiż ma kellux bżonn invista ta’ dik li kien hemm diġà u anki tal-interconnector ma’ Sqallija. Imma l-Gvern baqa’ jwebbes rasu u sussegwentement daħal għal ftehim ma’ LNG. Sar magħruf minn The Guardian li l-kumpanija tal-gass tal-Ażerbajġan SOCAR kienet għamlet profitt ta’ $40 miljun f’sena waħda biss mill-bejgħ tal-gass LNG lill-Enemalta. Komplew iqumu aktar dubji dwar min kien għamel profitt ta’ $40 miljun bid-deal ħażin li l-Gvern kien iffirma għall-gass LNG għall-power station f’Delimara.  Fejn marru dawn il-miljuni? Bil-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jħallas rati mill-aktar għoljin għall-konsum tad-dawl u l-ilma.

PASSAPORT MALTI

2014 – il-Gvern Laburista jniedi skema perikoluża ta’ bejgħ tal-Passaport Malti lil barranin li riedu jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija u hekk ikollhom aċċess għall-Unjoni Ewropea. Skema li qanqlet suspetti kbar għalliex ġabet magħha sensiela ta’ abbużi kbar minn terzi persuni li rnexxielhom iħallsu għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Magħha din l-iskema ġabet ukoll daqqa oħra ‘l isfel għar-reputazzjoni Maltija u għalhekk l-għajta kienet immedjata u komuni… “waqqaf il-bejgħ tal-Passaport Malti”… minkejja kollox il-Gvern baqa’ għaddej b’din l-iskema li kompliet tkun abbużata għal skop ta’ korruzzjoni. Sussegwentement bdew ikunu rapurtati u konfermati każijiet ta’ persuni li kienu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u li spiċċaw akkużati jew saħansitra misjuba ħatja ta’ reati serji fosthom ta’ ħasil ta’ flus, frodi, kuntrabandu, dħul minn korruzzjoni u evażjoni ta’ taxxa.

MONTENEGRO WINDFARM

2014 – l-Enemalta tibda negozjati mal-kumpanija Cifidex fil-Montenegro biex tixtri ishma mingħandha dwar windfarm. Grazzi għal dawn in-negozjati rekords pubbliċi juru li l-Enemalta eventwalment ħallset €10.3 miljun biex akkwistat l-ishma tal-windfarm fit-28 ta’ Diċembru, 2015. Madankollu, ġimagħtejn biss qabel, Cifidex xtrat dawk l-istess ishma għal €2.9 miljun mingħand Fersa Renovables, konsorzju Spanjol mogħti konċessjoni mill-Gvern tal-Montenegro fl-2010 biex imexxi l-windfarm. L-ishma nxtraw mingħand Fersa Renovables għal terz tal-prezz imħallas mill-Enemalta. L-evidenza turi li Cifidex iffinanzjat ix-xiri tal-ishma permezz ta’ ħlas ta’ €3 miljun trasferiti minn 17 Black fi tmiem Novembru 2015.

Sa Ġunju tal-2016, Cifidex kienet bagħtet lura lil 17 Black it-€3 miljun imsemmija flimkien ma ammont addizzjonali ta’ mill-inqas €4.6 miljun. Dan kien konfermat minn tliet sorsi li għandhom aċċess għall-kontijiet bankarji ta’ 17 Black f’Dubai.

BANK PILATUS

2014 – jitwaqqaf f’Ta’ Xbiex f’Malta l-Bank Pilatus li l-ħsieb warajh kien li jintuża bħala makna għall-proċess tal-flus maħmuġa. Is-sid tiegħu kien l-Iranjan Seyed Ali Sadr Hasheminejad, magħruf bħala Ali Sadr. Kien żvelat li kumpaniji offshore u individwi kienu qed jagħmlu użu mill-operat ta’ dan il-Bank. Jibqgħu filmati mill-aktar xokkanti dawk ta’ April 2017 li kienu juru lil Ali Sadr u impjegata tiegħu jġorru bagalji lil hinn mill-bini tal-Bank f’Ta’ Xbiex biex l-istess bagalji mbagħad tpoġġew fuq ajruplan tal-Vistajet 9H-ILZ fi triqtu lejn Baku… dan kollu filwaqt li l-eks Kummissarju tal-Pulizija kien qed jiekol il-fenek fl-Imġarr u ħa ordna l-ebda azzjoni.

PANAMA PAPERS

2016 – Konsorzju internazzjonali ta’ ġurnalisti investigattivi jippubblika investigazzjoni dwar sensiela ta’ persuni u kumpaniji involuti direttament f’ħasil ta’ flus u f’kontijiet sigrieti. Il-konsorzju ppubblika dik li kienet kunsidrata bħala l-ikbar ‘leak’ fl-istorja. B’kollox żvelati l-ismijiet ta’ aktar minn 140 politiku minn 50 pajjiż, li kollha għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama. Tfittxija fost il-lista ta’ 140 politiku tirriżulta fil-konklużjoni li ll-eks Ministru Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru fil-kariga li tniżżel f’din il-lista. Konrad Mizzi ssemma fost ħafna nies madwar id-dinja, fosthom nies qrib dittaturi li serqu flus pajjiżhom bħal Aliyev tal-Ażerbajġan u Gaddafi. Il-kumpanija sigrieta fil-Panama ta’ Konrad Mizzi nfetħet wara żjarat bil-moħbi li l-eks Ministru għamel fl-Ażerbajġan fejn iltaqa’ mal-President Aliyev. Għal dawn iż-żjarat kien hemm ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

17 BLACK

2017 – stabbiliti f’Dubaj żewġ kumpaniji sigrieti oħra… 17 BLACK u Macbridge. 17 BLACK issemmiet għall-ewwel darba fl-2017. Investigazzjonijiet mill-media lokali u internazzjonali wasslu biex kien stabbilit li Yorgen Fenech, l-investitur tal-power station tal-gass f’Delimara,  kien il-bniedem misterjuż wara s-17 BLACK. Dawn il-kumpaniji sigrieti allegatament kellhom jittrasferixxu s-somma ta’ €150,000 kull xahar lill-eks Ministru Konrad Mizzi u lill-eks Chief of Staff Keith Schembri. Sadattant fil-jiem li għaddew kien żvelat li ftit tal-jiem biss qabel ma nxtraw il-windfarms fil-Montenegro mill-Enemalta, il-kumpanija Nexia BT kienet qed tiftaħ kumpaniji sigrieti għal Konrad Mizzi u Keith Schembri b’konessjoni mal-kumpanija 17 BLACK. Minn din id-deal tintenn fil-Montenegro, is-sid ta’ 17 BLACK daħħal €4.6 miljun.

JOSEPH MUSCAT

2013 – jinħatar Prim Ministru. Mill-ewwel jibdew isiru ċerti manuvri li jibdew iqanqlu suspetti serji dwar kemm hu serju. Aktar ma għadda ż-żmien, bdew ifeġġu skandlu wieħed wara ieħor. Sensiela ta’ skandli li ma stajniex inlaħħqu magħhom. Wieħed ifeġġ u ieħor jintesa’. F’Ġunju tal-2017 kellu jagħmel Elezzjoni Ġenerali għaliex kien qed imexxi Gvern fi kriżi kbira. Minkejja rebħa elettorali kbira, uffiċjalment fil-bidu ta’ din is-sena warrab mill-kariga ta’ Prim Ministru. Ismu assoċjat ma’ għadd ta’ affarijiet xejn sbieħ. Waqt il-pandemija ħass li kellu jagħmel ċertu safar! Qatt ma ħa passi fil-konfront ta’ nies qrib tiegħu b’dell tqil fuq isimhom. Ipprova jiddefendi dak li ma kienx difiż. Ċerti rabtiet u ħbiberiji tiegħu – mal- President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev fost l-oħrajn – iqanqlu ħafna mistoqsijiet. Sal-lum għadu jibbenefika minn pakkett finanzjarju ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro li għadu mistur. F’dan il-kwadru kollu ma nistgħux ninsew min kien il-Konsulent ta’ Joseph Muscat… ħadd għajr l-Avukat Robert Abela li llum hu l-Prim Ministru u li jistqarr li t-tmexxija tiegħu hi “kontinwazzjoni”.

KEITH SCHEMBRI

2020 – dikjarazzjoni xokkanti waqt il-kumpilazzjoni dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia hekk kif is-Sensar Melvin Theuma jgħid li hu, mill-esperjenza tiegħu  f’dan il-każ, kien ikkonkluda li Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia peress li kien ġie rrappurtat li kien qed jirċievi l-flus mingħand Yorgen Fenech permezz tal-proġett tal-power station. Qal ukoll li darba meta Yorgen Fenech kien imsiefer il-mowbajl tiegħu kien mitfi u ddeċieda li jmur qrib Kastilja biex jara jekk ikunx jista’ jara lil Keith Schembri jew lil Kenneth Camilleri u jsaqsihom biex jgħidu lil Yorgen Fenech biex jixgħel il-mowbajl. Filwaqt li tenna li Yorgen Fenech dejjem qallu li Keith Schembri kien ħabib tiegħu, hu qatt ma kien iddiskuta d-delitt ma’ Keith Schembri.

KONRAD MIZZI

2016 – kien l-uniku Ministru Ewropew li ismu ċċappas fil-Panama Papers b’kumpanija sigrieta fil-Panama. Allegatament involut f’numru ta’ deals korrotti u f’manuvri oħrajn li jqanqlu ħafna suspetti. Moħbi wkoll wara d-deal skandaluża ma’ Vitals għall-bejgħ ta’ tliet sptarijiet tal-poplu Malti u Għawdxi. Jaf jgħodd sal-għaxra u l-kuntratt ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro fis-sena mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ċarratlu kull maskra. Ma jafx jistħi.  Wara r-ri’żenja tiegħu minn Ministru kien mistenni li jibda jwieġeb quddiem il-Ġustizzja. Dan l-aħħar għamel ġimgħat imsiefer, sakemm issa rritorna hekk kif ħarġet l-aħbar dwar min se jkun il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija. Hu wkoll ġieli ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech… “imma ma niftakarx meta l-aħħar”!

YORGEN FENECH

2017 – jidħol fix-xena Yorgen Fenech… imprenditur u negozjant. L-interessi prinċipali tiegħu kienu fil-casinos u l-lukandi. Kien l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Grupp Thumas iżda spiċċa b’involviment dirett mal-Electrogas Power Station f’Delimara li l-pajjiż assolutament ma kellux bżonn L-Electrogas hi kumpanija Maltija-Ażerbajġana-Ġermaniża. Fl-2017 tibda tissemma’ l-kumpanija sigrieta 17 BLACK. Oriġinarjament skiet totali u ħadd ma kien jaf ta’ min kienet. Sena wara Yorgen Fenech kien identifikat bħala l-persuna sid tal-kumpanija 17 BLACK. Sussegwentement ikun identifikat bħala persuna ta’ interess fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Tibda ħierġa informazzjoni li, fost l-oħrajn, qabbad lil Melvin Theuma biex isib lil min seta’ jelimina lil Daphne Caruana Galizia.

MELVIN THEUMA

Deskritt bħala s-Sensar biex isib il-persuni li setgħu jeliminaw lil Daphne Caruana Galizia wara li bdiet tiżvela rapporti li bdew jimbarazzaw kemm nies prominenti fil-Gvern Laburista u anki lil ċerti persuni fin-negozju u b’rabtiet ma’ politiċi f’Kastilja. Kien Yorgen Fenech li qabbad lil Melvin Theuma jagħmel din il-biċċa xogħol. Sussegwentement jispiċċa impjegat maċ-Ċivil… iżda qatt ma resaq lejn il-post tax-xogħol tiegħu. Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti hu jimplika lil numru ta’ nies li allegatament kienu involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-proċess tal-kumpilazzjonni jissemmew numru ta’ nies li allegatament jistgħu jkollhom relazzjni ma’ dan id-delitt, fosthom l-eks Ministru Chris Cardona, l-eks Chief of Staff Keith Schembri u Yorgen Fenech li diġà hu akkużat bl-involviment tiegħu fid-delitt. Fix-xhieda tiegħu u f’mumenti differenti jsemmi wkoll, fost l-oħrajn, lil Edgar (Edwin) Brincat ‘Il-Ġojja’,  Johann Cremona  u Kenneth Camilleri.

ALFRED U GEORGE DEGIORGIO U ĊENSU MUSCAT

F’Diċembru 2017 kienu arrestati mill-Pulizija dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Ftit tal-jiem wara huma tressqu l-Qorti akkużati bl-omiċidju u b’diversi reati oħrajn konnessi. Fil-Qorti sa issa ħareġ kif dawn kienu ġew avviċinati biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia. Fil-fatt huma għamlu dan f’Ottubru tal-2016 permezz ta’ bomba fil-karozza misjuqa mill-vittma. Huma kienu arrestat waqt rejd li l-Pulizija kienet għamlet fit-Tinda tal-Patata fil-Marsa minfejn kienu elevati għadd ta’ oġġetti importanti oħrajn, fosthom ċellulari mill-baħar.

LAWRENCE CUTAJAR

2016 – fl-1 ta’ Awwissu nħatar Kummissarju tal-Pulizija. Kienet purament manuvra mill-aktar maħmuġa mill-Gvern li poġġa lil Lawrence Cutajar f’din il-kariga għas-sempliċi raġuni li ried ‘yes man’ f’din il-kariga biex l-ordnijiet jibqgħu jingħataw u jinħarġu minn Kastilja. Addio investigazzjonijiet serji u l-każ ‘Bank Pilatus’ hu xhieda ta’ dan. Ftit tal-ġimgħat ilu kellu jirriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija u ftit tal-jiem ilu tneħħa wkoll minn Konsulent tal-Ministeru tal-Intern hekk kif ismu tperreċ fil-Qorti b’rabta ma’ allegat ħruġ ta’ informazzjoni fil-każ ‘Daphne Caruana Galizia’.

SILVIO VALLETTA

2020 – tinħareġ informazzjoni xokkanti dwar l-eks Deputat tal-Korp tal-Pulizija li kien responsabbli wkoll mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK).  Ikun żvelat li Silvio Valletta kien midħla sew tal-imprenditur Yorgen Fenech. Siefer miegħu sena wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u meta l-istess negozjant kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fl-investigazzjonijiet dwar dan id-delitt. “Uncle Silvio” kellu diversi kuntatti ma’ Yorgen Fenech u spiss kien imur fir-residenza tiegħu… spiċċa ħaraq karriera u hu taħt lenti ta’ investigazzjoni.

CHRIS CARDONA

2016 – isem l-eks Ministru Cardona kien ilu jiċċirkola b’rabtiet ma’ allegati reati serji li hu jiċħad bil-qawwa. Reċentement kellu jirreżenja minn Ministru u Membru Parlamentari u ftit tal-jiem ilu anki minn Deputat Mexxej Laburista. Dell tqil ħafna fuqu aktar maċ-ċirku jkompli jiċkien. Fost l-oħrajn fil-Qorti fil-jiem li għaddew issemma’ kif Chris Cardona deher allegatament jagħti xi flus lil ‘Il-Fulu’ bħala parti mill-pagament għall-qtil ta’ Caruana Galizia Melvin Theuma xehed ukoll kif Yorgen Fenech kien qallu li darba l-eks Ministru Cardona kien spiċċa b’overdose minħabba l-inkwiet li kellu fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia.

DAVID GATT

2020 – eks Spettur tal-Pulizija. Avukat. Jissemma’ fil-kumpilazzjoni dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Melvin Theuma, is-Sensar, jixhed li David Gatt qallu li jekk l-aħwa Alfred u George Degiorgio jsemmu lil Chris Cardona, hu (David Gatt) kien ikun lest li joqtolhom.

ROBERT ABELA

2020 – jinħatar Prim Ministru wara ħafna wiegħdi li għamel lid-Delegati Laburisti li riedu l-bidla fl-istil ta’ tmexxija. Wara jgħid li se jimxi b’kontinwità ma’ dak li kien seħħ u sar qabel meta allura hu kien jokkupa l-kariga ta’ Konsulent ta’ Joseph Muscat u Kastilja. Jiġifieri kien jaf ben tajjeb ta’ x’se jinħema minn Kastilja. Fi ftit kliem illum Robert Abela jinsab f’salib it-toroq… jew jaġixxi kif mistenni jew jagħlaq għajnejh u jkun kompliċi. Xi triq se jagħżel?