Sitt żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-23 sena, kienu arrestati wara sejba ta’ diversi tipi ta’ droga.
Il-każ seħħ fi Triq it-Tlett Ibliet f’Bormla matul il-lejl li għadda waqt spezzjonijiet tat-traffiku mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Kien għall-ħabta tal-11p.m. meta l-pulizija innutaw vettura tieqaf ftit ‘il bogħod minnhom u l-persuni ta’ ġo fiha jaġixxu b’mod suspettuż. Kif raw dan, il-Pulizija imxew lejn il-vettura iżda s-sewwieq saq għal ftit metri u waqaf ħdejhom.
Il-Pulizija fil-pront iċċekkjaw il-post fejn il-vettura kienet waqfet qabel fejn instabu boroż b’sustanza suspettata droga. Mas-sejba il-Pulizija ordnat lis-sitt żgħażagħ – erba’ rġiel u żewġ tfajliet – jinżlu mill-vettura sabiex issir tfittxija fuqhom u fuq il-vettura. Fit-tfittxija, il-pulizija sabet multipurpose tool f’basket ta’ ġuvni ta’ 16-il sena filwaqt li s-sewwieq ta’ 21 sena ma kellux liċenzja valida tas-sewqan u l-polza tal-assigurazzjoni tal-vettura ma kienetx tgħodd għalih.
Mill-ewwel eżami fuq is-sustanzi misjuba, irriżulta li dawn kienu droga sintetika, kokaina, kannabis, eroina u crack.
L-investigazzjoni qed titmexxa mid-Distrett ta’ Bormla u tar-Rapid Intervention Unit.
//= $special ?>