Lokali

Ċaħda assoluta mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia

B’referenza għal rapporti rigward xiehda mogħtija dalgħodu fil-Qorti minn Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-PN ċaħad bl-aktar mod assolut u kategoriku l-allegazzjonijiet kollha li qed isiru fil-konfront tiegħu.

Fi stqarrija, Adrian Delia fakkar li diġa’ għamel affidavit konfermat bil-ġurament tiegħu fil-Qorti rigward l-istess allegazzjonijiet.

“Mhux se nikkumenta aktar f’dan l-istadju għaliex b’ebda mod ma rrid nippreġudika proċeduri li għaddejjin fil-Qrati tagħna fejn l-iskop tagħhom hu li jinstab min kien wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, anżi nawgura li ħadd ma jitħalla li b’xi mod jiddevja l-attenzjoni mill-veru għan ta’ dawk il-proċeduri”, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-PN fakkar li l-istess Keith Schemrbi u n-nies madwaru huma implikat fl-istess assassinju, u għalhekk qiegħed jirrikori għal gideb sfaċċat anke waqt li jkun qed jixhed taħt ġurament.

Adrian Delia insista li dan huwa attentat sfaċċat biex jipprova jwaqqafu milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu biex jassigura li kull min uża l-pożizzjoni uffiċjali tiegħu anki fl-ogħla kuruturi tal-poter jitressaq quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja biex iwieġeb għal għemilu. 

Min-naħa tiegħu Adrian Delia qal illi qed jirriżerva wkoll id-drittijiet kollha li tagħtih il-liġi.

Ċaħda anke minn Pierre Portelli

Pierre Portelli, l-eks Ċermen Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, ċaħad kategorikament dak li xehed Keith Schembri fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech.

Keith Schembri kien qed jitkellem dwar kif, skont dak li kien jgħidlu Fenech, politiċi kienu jmorru spiss jieklu għandu meta saħaq li darba, il-Kap ta-PN Adrian Delia mar talbu flus. Schembri qal li Fenech kien qallu li Delia kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar.

F’post fuq Facebook, Pierre Portelli qal li l-gimgħa li għaddiet ħa affidavit biex jippreżentah lill-Pulizija jekk jitolbuh jagħmel dikjarazzjoni.