Internazzjonali

Covid-19: Il-Brażil isir it-tieni pajjiż b’aktar minn 50,000 mewta

Il-Brażil, issa, hu kkonfermat bħala t-tieni l-aktar pajjiż li ġarrab imwiet mill-effetti tal-coronavirus, wara l-Istati Uniti. Dan meta mietu ‘il fuq minn 50,000 bil-Covid-19 f’dan l-Istat Latin Amerikan, li, bħalissa, qed jiffaċċja mewġa ta’ tensjoni politika.

Fil-fatt, il-Brażil għandu ‘il fuq minn miljun infezzjoni bil-coronavirus ġdid u bil-grafika tal-imwiet u infezzjonijiet fil-pajjiż qed turi ‘qabża ‘il fuq u konsistenti ( fir-rati tal-vittmi u infettati)’ minn ġurnata għall-oħra.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), fl-istess ħin, irreġistrat l-akbar żieda ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 għal ġurnata waħda madwar id-dinja — bil-parti kbira tal-infezzjonijiet ġodda jfeġġu fl-Istati tal-Amerika Latina.

Sadanittant, fil-Brażil, il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li 641 imwiet oħra kienu reġistrati ‘fl-aħħar 24 siegħa’. It-total tal-vittmi mill-Covid-19 f’dan il-pajjiż, b’hekk (sal-bieraħ), kien stabbilit mal-50,617.

Fl-istess perjodu, il-Brażil irreġistra ‘il fuq minn 17,000 infezzjoni ġdida, meta, bħalissa, l-Istati Uniti hi l-uniku pajjiż biċ-ċifri agħar — fejn għandha ‘il fuq minn 2.2 miljun każ ta’ infezzjoni, fost konferma ta’ qrib il-120,000 mejtin.

Id-deċiżjoni tal-President Brażiljan, Jair Bolsonaro, biex jopponi l-lockdowns u jikkonċentra biss fuq l-ekonomija nazzjonali ħalliet ir-riperkussjonijiet traġiċi. Din il-politika, intant, wasslet għal diżgwid kbir fost is-sostenituri tal-Gvern u l-Brażiljani li qed jopponu dejjem aktar il-politika tal-mexxej estremista tal-lemin.

Waqt il-kriżi fil-Brażil, żewġ Ministri tas-Saħħa ( it-tnejn tobba) spiċċaw mill-kariga fost l-ispinta tal-imwiet u infezzjonijiet fuq skala nazzjonali. Ministru minnhom kien spiċċa mkeċċi minn Bolsonaro waqt li l-Ministru l-ieħor irriżenja fost id-differenzi li kellu mal-President.

Il-Brażil, fl-aħħar ġranet, kien qed jirreġistra mal-1,000 mewta kuljum mill-Covid-19 u l-esperti jemmnu li n-nuqqas tat-testijiet f’dan il-pajjiż kapaċi jfisser li l-vera ċifra għandha tkun ‘konsiderevolment akbar’.

L-Istati Brażiljani tal-Amazonas, Para u Ceara, bejniethom irrappurtaw total ta’ aktar minn 12,000 mewta – iżda l-akbar qabża seħħet f’Sao Paulo u Rio De Janeiro, li rappurtaw 12,500 u 8,800 mewta, rispettivament.

Intant, il-WHO qalet li fost il-183,000 każi ġodda ta’ infezzjoni rappurtati fuq livell globali għal perjodu ta’ 24 siegħa, ‘il fuq minn 60 fil-mija kienu ġejjin  mill-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel.