Internazzjonali

Covid-19: Il-Korea t’Isfel tikkonferma tieni mewġa tal-virus…

L-uffiċjali tas-saħħa fil-Korea t’Isfel jemmnu li l-pajjiż għaddej minn tieni mewġa tal-coronavirus, minkejja ċ-ċifri pjuttost baxxi fiċ-ċirkustanzi.

Il-Korea t’Isfel, qabel, irreġistrat suċċess fil-metodi tagħha għall-kontroll tal-Covid-19, iżda issa tistenna li l-pandemija f’artha għandha tkompli għaddejja ‘għal diversi xhur’.

Jung Eun-kyeong, li qed tmexxi liċ-Ċentri għall-Kontroll tal-Mard fil-Korea t’Isfel, qalet li l-ewwel mewġa tal-Covid-19 kienet damet sa April u li, minn Mejju ‘il hawn, feġġew sensiela ta’ każijiet ġodda ta’ infezzjoni, inklużi każi speċifiċi qalb in-nightclubs fil-kapitali, Seoul.

Bejn dawn il-perjodi, il-każi kkonfermati tal-Covid-19 għal kull ġurnata (fil-pajjiż) kienu niżlu minn kważi elf għal ‘zero’, għal tlett ijiem konsekuttivi.

Iżda issa, l-uffiċjali qalu li ‘fl-aħħar 24 siegħa’ ġew irreġistrati 17-il infezzjonijiet ġodda minn clusters differenti, bażati qalb kumplessi tal-uffiċini u numru ta’ imħażen. Wara li evalwat din l-ispinta, Jung Eun-kyeong ikkonkludiet li l-Korea t’Isfel tinsab għaddejja minn tieni mewġa tal-Covid-19 u qed tistenna li l-infezzjonijiet se jibqgħu jkunu reġistrati għal żmien indefinittiv.

Hi qalet li ‘jidher ċar’ li tmiem il-ġimgħa twil ( holiday weekend) f’Mejju li għadda wassal għal din it-tieni mewġa li qed tikkonċentra f’Seoul u l-madwar u meta l-inħawi, qabel, kienu raw biss ftit tal-każi tal-Covid-19.