Lokali Parlament

Ebda mistoqsija lil Gafà dwar il-korruzzjoni u r-rapporti ta’ rabtiet bejn il-gvern u l-kriminalità

Il-Kummissarju-nominat Angelo Gafa approvat mid-deputati Laburisti fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi

Fil-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi li llum skrutinja lill-Kummissarju-nominat Angelo Gafa ma saret l-ebda mistoqsija jew riferenza dwar kif il-Korp tal-Pulizija se jinvestiga l-korruzzjoni istituzzjonalizzata li qed issir taħt dan il-gvern u dwar ir-rapporti ta’ rabtiet bejn il-politiċi u l-kriminalità.

Quddiem dan il-Kumitat xehed il-Kummissarju-nominat Angelo Gafa li kien mistoqsi diversi mistoqsijiet; bil-Ministru Evarist Bartolo biss jersaq l-aktar viċin is-sitwazzjoni preżenti ta’ korruzzjoni iżda xorta ma kienx dirett fil-mistoqsijiet u baqa’ lura milli jistaqsi l-mistoqsijiet pertinenti li kellhom isiru dwar kif se jkunu investigati nies viċin il-gvern, ex uffiċjali tal-gvern Laburista, deputati Laburisti u ex ministri Laburisti.

Iċ-Chairman tal-Kumitat id-deputat Laburista Anthony Agius Decelis qal li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru lill-Kummissarju-nominat jinsabu għand il-Kumitat. Il-membri tal-gvern fil-kumitat kienu l-Ministru Evarsit Bartolo, id-deputat Laburista Joe Mizzi u l-Whip Laburista Glen Bedingfield.

Id-deputati tal-PN ma pparteċipawx f’din is-seduta għaliex sostnew li l-Kummissarju tal-Pulizija kien magħżul mill-Prim Ministru, se jkun konfermat mill-Prim Ministru u jista’ jitneħħa mill-Prim Ministru.

Il-PN kien ippropona li bħal ma jsir f’każi oħra, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun magħżul bi qbil bejn iż-żewġ naħat; il-Gvern oġġezzjona għal din il-proposta. Il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid se jkun fuq probation ta’ sena.

Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Kummissarju-nominat Angelo Gafa qal li hu daħal fil-Korp fl-2003 u sostna li hu jħoss sens ta’ dover lejn il-pajjiż u lejn il-Korp tal-Pulizija “li tani ħafna”. Hu qal li quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku hu qal li hu jixtieq li jsaħħaħ il-fiduċja tal-nies fil-Korp tal-Pulizija, li jridu jkunu effettivi. Irridu nżommu lil Malta bħala stat sigur, mhux biss li nsolvu d-delitti iżda li nipprevenu l-kriminalità, sostna Angelo Gafa, li sostna li fil-Korp tal-Pulizija kien hu li beda l-Pulizija tal-Komunità.

Hu qal li fl-aħħar tliet snin il-kriminalità tnaqqset b’10%. Jeħtieġ li nkabbru l-fiduċja tal-pulizija fl-istess korp tal-Puliizija, irrid insaħħaħ il-motivazzjoni wara l-kritika li saret…fis-saħħa ta’ fuq irridu nagħtu eżempju, sostna Angelo Gafa.

Hu kompla li l-fatt li l-Korp tal-Pulizija għandu fiduċja ta’ 68% u sostna li matul il-COVID-19, il-pulizija qamu għall-okkażjoni u kienu fuq quddiem biex il-marda trażżnet; il-pulizija kkomunikaw iktar mal-poplu, edukajnieh kif ikun hemm sħubija bejn il-komunità u l-Korp tal-Pulizija.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li tliet xhur oħra Malta tagħlaq 56 sena indipendenti u sostna li din hi l-ewwel darba li l-Kummissarju mhu se jingħażel mill-Prim Ministru. Hu qal li dan qed isir biex ma jkunx hemm indħil politċi u staqsa lil Angelo Gafa jekk għandux il-kwalitàjiet li jrireżisti kull indħil politiku. Hu staqsa dwar ir-rabtiet personali u s-saħħa li dawn għandhom fis-soċjetà u kif il-Korp jista’ jilqa’ għal din l-isfida.

Il-Ministru Evarist Bartolo semma’ l-periklu serju tal-Moneyval fejn Malta tista’ titpoġġa fil-lista l-griża u rrifera għall-każi ta’ ħasil ta’ flus fejn qal li Malta qed tiġi akkużata li tieħu ħafna żmien biex tinvestiga u biex il-każi jkunu deċiżi.

Angelio Gafa qal li l-pulizija għandhom jagħtu eżempju u sostna li hu dejjem kien ta’ eżempju billi ma jħares lejn wiċċ ħadd. Dan il-messaġġ irrid nibħat mill-ewwel biex ħadd ma jħabbatli l-bieb; qatt ħadd ma ġie jkellimni u la dan qatt ma seħħ żgur li mhux se jseħħ issa, sostna Angelo Gafa, li kompla li waħda mis-soluzzjonijiet hi li jkun hemm policies partikolari biex ir-regoli jkunu ċari.

Angelo Gafa qal li se jsaħħaħ il-komunikazzjoni interna fil-Korp tal-Pulizija u kompla li l-investigazzjonijiet tal-pulizija jridu jsiru b’mod parallel mal-inkjesti maġisterjali. Ir-rata ta’ suċċess tal-Korp tal-Pulizija fl-investigazzjonijiet hi waħda tajba ħafna, sostna Angeo Gafa, li qal li meta ssaħħet l-FIAU, it-Taqsima tal-Investigazzjonijiet bdiet tirċievi iktar rapporti.

Dwar il-ħasil tal-flus li rrifera għalih Evarist Bartolo u qal li l-Korp tal-Pulizija hu biss parti mill-kullana ikbar. Hemm ċertu każi spiċċaw f’ħoġor il-pulizija għax ma kienx hemm ir-regoli neċessarji, sostna l-kummissarju-nominat, li qal li l-Korp tal-Pulizija se joħorġu sejħa għal-ingaġġ ta’ persuni gradwati mill-università biex jissieħbu mal-Korp tal-Pulizija.

Hu tkellem dwar il-koordinazzjoni meħtieġa ma’ entitajiet oħra fil-pajjiż bħad-dwana. Irid ikun hemm ukoll il-parti internazzjonali, sostna Angelo Gafa, li semma’ l-importanza tar-relazzjonijiet mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. “Lead by example; min jafni jaf kif ħdimt fl-investigazzjonijiet kriminali”, sostna l-Kummissarju-nominat.

Hu qal li l-pulizija għandha tinvestiga minn jedda bla ma tistenna lil ħadd u sostna li l-Korp tal-Pulizija hu fiċ-ċentru tas-saltna tad-dritt.

Kellna każi li l-pulizija investigathom b’suċċess fejn fl-aħħar tliet snin u nofs rakkomandazzjonijiet biss stajt nagħmel, stajna mmorru quddiem il-media u nikkomunikaw, sostna Angelo Gafa.

Dwar il-każ tal-Pulizija tat-Traffiku, Angelo Gafa qal li “stajna għaddejna mingħajru dak il-każ; is-sistema ma kienx l-aħjar waħda u nippreferi li jkun hemm sistema ta’ ċentralizzazzjoni”.

Mistoqsi jekk għandux jerfa’ r-responsabbiltà dwar dan il-każ minħabba li hu l-Kap Eżekuttiv tal-Korp, Angelo Gafa wieġeb li hu kien għadda rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija u għadda anki rakkomandazzjonijiet. Hu qal li l-proposti li għamel hu ma kienux implimentati.

Il-Kummissarju-nominat kien mistoqsi dwar id-diskors ta’ mibgħeda fejn qal li l-kriminalità finanzjarja żdiedet flimkien mas-cyber u dwar l-akkademja tal-pulizija. Hu qal li l-Korp tal-Pulizija hu nieqes minn kwalitajiet ta’ tmexxija; “nifhem li din mhix kariga faċli”.

Mistqosi mid-deputat Laburista Anthony Agius Decelis jekk kienx hemm xi settur li ma kienx kopert mill-kumitat, il-Kummissarju-nominat tkellem dwar il-pjan tiegħu u wdar l-importanza li l-Korp tal-Pulizija jaħdem bħala kumpanija privata fejn il-klijent jitpoġġa bħala prijorità.

Wara s-smiegħ ta’ din ix-xhieda, u bla ma għamel diskussjoni, il-Kumitat magħmul biss minn deputati Labruisti ivvotaw favur li Angelo Gafa jkun nominat bħala Kummissarju tal-Pulizija.