Sport Sport Ieħor

Ebda tibdil fil-kundizzjoni serja ta’ Alex Zanardi

(Ritratt: EPA)

Il-kundizzjoni tal-eks sewwieq tal-Formula 1 Alex Zanardi baqgħet stabbli iżda serja wara l-bulettin mediku tiegħu lbieraħ. Zanardi sofra minn ġrieħi serji f’rasu l-Ġimgħa f’inċident fit-triq waqt li kien qed jipprattika l-isport tal-handbike.

“It-tielet lejl fl-isptar fil-kura intensiva għadda mingħajr tibdil. B’hekk il-kundizzjoni klinika baqgħet ma nbidlitx filwaqt li l-kundizzjoni newroloġika tibqa’ serja,” intqal mill-isptar Santa Maria alle Scotte fi Siena. It-Taljan ta’ 53 sena għadu intubat u qed jieħu n-nifs bl-għajnuna ta’ ventilatur.

Zanardi hu persuna ta’ ispirazzjoni fid-dinja tal-isport b’mod partikolari fil-motorsport. Is-sewwieq Taljan tilef iż-żewġ saqajn tiegħu u kważi ħajtu fl-2001, b’ħabta waqt tellieqa taċ-Champ Car fil-Ġermanja. Il-ħabta wasslet biex mhux biss tilef saqajh iżda qalbu waqfet seba’ darbiet u tilef litru demm minn ġismu.

Alex Zanardi baqa’ xorta nvolut hekk kif kompla l-karriera fl-isport paralimpiku. Hu rebaħ żewġ midalji tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 u tnejn deheb ukoll fl-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016.