Lokali Qorti

L-Ispettur Zahra jikkonferma li t-tabib Vella għadda ittra bejn Schembri u Fenech

Fil-25 ta’ Novembru, 2019 – Yorgen Fenech stqarr mal-investigaturi li kien lest li jiżvela magħhom dwar aktar każi ta’ korruzzjoni ġaladarba jingħata l-proklama. Dan saħqu l-Ispettur tal-Pulizija, Kurt Zahra fix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza hekk kif in-negozjant jinsab akkużat bil-kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Zahra saħaq li din l-informazzjoni kienet ġiet mgħoddija lill-Economics Crimes Unit, immexxija mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla – madanakollu mill-informazzjoni li ħarġet fl-aħħar jiem jidher li Abdilla avviċina lil Yorgen Fenech wara li kellu l-proklama miċħuda.

L-Ispettur saħaq ukoll li t-tabib Adrian Vella, li huwa t-tabib kemm ta’ Yorgen Fenech kif ukoll ta’ Keith Schembri, għaddha ittra proprju mingħand Schembri għal għand Fenech. Dan il-fatt, irrakkontat minn Zahra taħt ġurament, ġie miċħud taħt ġurament ukoll minn Keith Schembri ftit tas-sigħat qabel. Allegatament f’din l-ittra kien hemm miktub pass pass dwar x’għandu jgħid Fenech, fosthom l-allegat ‘frame-up’ fuq Chris Cardona.

Zahra spjega li l-investigazzjoni dwar ix-xogħol li ngħata l-middleman Melvin Theuma, dirett minn Kastilja, għadha għaddejja. Huwa spjega wkoll l-għada tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Theuma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech. Dan tal-aħħar dakinhar kien fil-kumpanija ta’ Turab Musayev, direttur tas-Socar.