Lokali Parlament

Il-gvern jaħrab il-mistoqsijiet dwar il-korruzzjoni tal-windfarms fil-Montenegro

Il-gvern ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-PN fil-parlament dwar il-każ tal-korruzzjoni tal-windfarms fil-Montenegro tant li l-Prim Ministru Robert Abela lanqas biss kien fil-parlament f’dak il-ħin.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Kap tal-PN Adrian Delia u d-deputati Nazzjonalisti David Agius, Ryan Callus, Robert Cutajar, Beppe Fenech Adami, Claudette Buttigieg u Karol Aquilina għamlu mistoqsijiet ripetuti lill-ministri tal-gvern biex iwieġbu dwar dan l-iskandu li fih il-poplu insteraq €10 miljuni.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa dwar il-każ tal-Montengro fejn il-poplu Malti spiċċa ħallas €10 miljun għal dan il-każ ta’ windfarms.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li hu ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u għahekk dan il-każ ma jaqax fil-dekasteru tiegħu; “għaliex dan mhux deskasteru wieħed”.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar staqsa kif il-Prim Ministru mhux fil-parlament meta kellu l-ewwel mistoqsija parlamentari.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li l-Prim Ministru hu impenjat fil-laqgħat u li għalhekk il-gvern għandu l-ministri biex iwieġbu dwar id-dekasteru tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg talbet lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jikkontrolla l-mistoqsijiet supplimentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis li wkoll m’humiex taħt l-istess dekasteru.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Ministru Carmelo Abela kien membru fil-kabinett meta kien jaf li kien hemm investigazzjoni dwar l-allegazzjoni ta’ korruzzjoni fil-proġett tal-windfarms fil-Montenegro. Hu staqsa lill-Ministru Carmelo Abela x’għamel hu fil-kabinet biex il-flus mill-korruzzjoni jkunu irkurpati lura.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-pajjiż għandu isituzzjonijiet li qed jaħdmu u jagħmlu xogħlhom. Hu sostna li dak li jkun diskuss fil-Kabinett ma jistax ikun diskuss fil-pubbliku u kompla li hu qiegħed għall-iskrutinju ta’ kulħadd.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li kieku l-istituzzjonijiet jiffunzjonaw, kieku l-pulizija diġà arrestaw lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u staqsa x’għamel il-gvern min-nhar il-Ġimgħa ‘l hawn biex jassigura li ssir ġustizzja mal-poplu u jintraddu lura l-€10 miljuni li serqu dawn in-nies mill-iskandlu tal-Montenegro.

Il-Ministru Carmelo Abela wieġeb li kull persuna li dwarha jkun hemm suspetti għandha tkun interrogata u għalhekk l-istituzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia irringrazzja lill-Ministru Abela li qed iwieġeb lill-Oppożizzjoni għaliex il-Prim Ministru reġà irrifjuta li jaqdi dmiru u b’diżrispett lejn il-parlament jibqa’ ma jattendix għall-mistoqsijiet parlamentari. Adrian Delia staqsa lill-Ministru Abela għaliex l-ebda Kummissarju tal-Pulizija ma investigah dwar l-allegazzjonijiet li jsiru fil-konfront tiegħu.

Il-Ministru Carmelo Abela reġà rrepeta li kulħadd għandu qal jħalli lill-istituzzjonijiet jiffunzzjonaw.