Lokali

Il-Mellieħa f’luttu wara l-mewt ta’ Tony Castillo

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Tony Castillo, wieħed mill-attivisti veterani tal-Partit Nazzjonalista.

Castillo jibqa’ mfakkar għall-ħidma bla waqfien li kien iwettaq fil-Mellieħa u l-appoġġ bla limitu li dejjem kellu għall-PN, f’diversi perijodi fis-snin riċenti u anke fil-passat.

Fost il-mijjiet ta’ messaġġi ta’ sogħba li inkitbu fuq il-media soċjali, kien hemm dak ta’ ibnu Ivan li hu Kunsillier tal-PN fil-Mellieħa u President tal-SĦPN.

Stqarrija tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN)
Sadanittant, fi stqarrija, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) sellmet il-memorja ta’ Toni Castillo, li qalet hu isem sinonimu mal-ġustizzja favur il-ħaddiema u favur iż-żgħir. Il-fergħa wasslet ukoll il-kondoljanzi lill-Familja Castillo f’dan il-mument diffiċli.

L-SĦPN qalet li min kellu x-xorti li jsir jafu, jaf li xejn ma kien iwaqqfu jew ibeżżgħu biex il-ħaddiem ma jitgħaffiġx. Toni Castillo, li għal snin twal serva f’din il-fergħa, kien xprun u ta’ eżempju ħaj għal dawk kollha li jafu jidħlu b’ruħhom u ġisimhom għal kawża ġusta.

Lil Toni kont issibu biex jgħin u jagħti servizz il-ħin kollu u bla problemi. Kien onest, bla kantunieri u taf fejn int miegħu. Kien jidħol għalik anke fin-nar. Il-familja tiegħu kienet ferm għal qalbu u rnexxielu jrawwem f’uliedu l-istess imħabba u dedikazzjoni biex jgħinu u jkunu ta’ servizz lejn l-oħrajn.

L-SĦPN kompla li kulfejn ħadem, Toni kien punt ta’ referenza u kellu l-bieb miftuħ għal kulħadd. Dan jafuh sew ukoll il-ħaddiema tal-Enemalta, li ħadem u stinka ferm għalihom.

Il-membri tal-Kumitat tal-SĦPN irringrazzjaw lil Toni Castillo għal dan l-impenn kontinwu u qalu li kellhom ix-xorti li saru jafuh u ħadmu mill-qrib miegħu.

“Il-valuri li għaddejtilna jibqgħu mudell għalina ta’ kif naħdmu favur is-sewwa u dak kollu li hu tajjeb. Għallimntna ma naqtgħu qalbna minn xejn u qatt u dak kollu li għandna niġġieldu għalih nagħmlu dan b’konvinzjoni u determinazzjoni.”