Lokali Parlament

Il-mini-budget ma solviex il-problema fl-ekonomija

Ivan J.Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan J.Bartolo qal li n-normalità ma jiġix bil-mini-budget, li ma solva l-ebda problema ekonomija, iżda tkun stabbilita b’attitudni pożittiva u serjetà.

Fil-parlament Ivan J.Bartolo qal li n-normalità tista’ tfisser xogħol normali iżda r-realtà hi li hemm diffikultajiet ta’ tkeċċijiet ta’ ħaddiema minn diversi postijiet tax-xogol. Hu qal li bħalissa hawn 11,000 persuna bla xogħol li issa għandhom jaraw ftit tama. Hemm possibbiltà li l-pandemija terġa’ tolqotna u l-pajjiż jerġa’ jkollu jieħu l-passi neċessarji.

Hu staqsa x’qed isir fil-pajjiż b’mod proattiv f’dan ir-rigward. Fl-1 ta’ Ġunju l-Prim Ministru qal li mill-5 ta’ Ġunju 2020 Malta se terġa’ tmur għan-normalità. Din x’normalità hi? Il-Prim Ministru jrid jibqa’ proċess biex Malta jkollha strateġija biex tindirizza l-isfidi li diġà jinsabu fil-pajjiż. Hu appella lill-poplu biex jingħaqad biex il-pajjiż joħroġ mill-isqaq tas-saħħa u fl-ekonomija; li hu sqaq iżjed dejjaq.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-budget hu soluzzjoni tattika u kompla li l-isfida attwali hi l-pandemija. Malta għandha wkoll il-problema tal-ekonomija, li se tkompli tiċkien fejn it-turiżmu hu wieqaf meta dan hu 20% tal-GDP. Minbarra l-problema tal-Moneyval, is-soċjetà tneżżgħet mill-valuri.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-problema fl-iskejjel tal-lingwi, il-professjonisti, fil-Belt, l-ekonomija mejta, il-blockchain, nuqqas ta’ innovazzjoni u nuqqas ta’ fondi mit-€300 miljun li offriet l-UE; fejn Malta ma ħadet xejn u appella għall-għaqda bix jinstabu s-soluzzjonijiet b’integrità u terġa’ tkun fuq quddiem fl-UE.