Lokali Parlament

Il-Ministru Michael Farrugia jiddefendi l-windfarms tal-Montenegro

Il-Ministru għall-Enerġija iddefenda l-każ tal-windfarms fil-Montenegro u qal li dak li qed jgħid il-PN hu biss nofs verità waqt li sostna li l-poplu se jgawdi minn dan l-investiment li sar b'”intenzjoni tajba”.

Fil-parlament Michael Farrugia qal li l-każ tal-windfarms fil-Montenegro hi “nofs verità…mill-istorja kollha l-PN ma jafx assolutament xejn”. Hu kompla li l-Enemalta m’għandhiex minn xhix taħbi u sostna li m’għandux ħsieb iħammeġ l-entitajiet Maltin.

Id-deputat Laburista qal li skantaw b’€4 miljuni; għandhom raġun jekk saru l-affarijiet ħażin għandhom jittieħdu l-passi. Hu sostna li kull politiku li jabbuża m’għandux moħħu mistrieħ li jintesa kollox jekk jgħaddu s-snin. Isiru l-investigazzjonijiet u min abbuża jirrispondi, sostna Michael Farrugia, li kompla li l-Enemalta informat lill-pulizija li lesta tipprovdilha d-dokumenti biex isiru l-investigazzjonijiet.

Mid-dokumenti li jeżisti jidher li l-Enemalta aġixxiet b’sens tajjeb wara due diligence li saru internazzjonalment u mhux lokali. Id-deal kienet se twassal għal qligħ għall-Enemalta. L-istorja li smajna hi biss 5% minn dak li verament ġara, sostna l-Ministru Farrugia, li kompla li diġà beda awditjar intern fl-Enemalta biex ikun stabbilit jekk l-Enemalta kinitx taf b’xi abbużi.

Hu qal li lest jitkellem barra l-parlament mad-deputat Nazzjonalista David Thake dwar il-każ tal-bini ogħli fl-Imrieħel. Michael Farrugia ċaħad li l-kabinet kien informat b’dan il-każ f’Novembru 2019.