Lokali Parlament

Il-PN ma jieħux sehem fi proċess farsa biex jilleġittima proċess ivvizjat

Robert Abela tilef opportunita’ li jkum hemm qbil mal-Oppożizzjoni fuq min għandu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija

l-Oppożizzjoni ma ħaditx sehem fis-sessjoni tal-Kumitat tal-Parlament għall-Iskrutinju ta’ Persuni Pubbliċi ghaliex dan il-proċess kien wieħed farsa u intiż biss biex jilleġittima proċess ivvizjat imfassal minn Robert Abela li diġa’ għazel il-persuna li jrid hu bħala Kummissarju tal-Pulizija.

Fi stqarrija iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Inter Beppe Fenech Adami, Robert Abela tilef opportunita’ li jkun hemm qbil mal-Oppożizzjoni fuq min għandu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Robert Abela jrid jimponi Kummissarju tal-Pulizija li għażel hu bi żmien ta’ probation ta’ sena biex, kif u meta jrid, ikun jista’ jtajjarlu rasu.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ttenni illi Robert Abela għal darb’oħra falla li jibgħat il-messaġġ li jrid jaqleb il-paġna fil-Korp tal-Pulizija, li għaddej minn kriżi ta’ kriminalita’ organizzata saħansitra fi ħdanu.

Taħt Robert Abela għad għandna Korp tal-Pulizija li jonqos milli jarresta, jinvestiga u jressaq il-Qorti lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat lkoll maqbuda u nvoluti f’korruzzjoni li swiet lill-poplu Malti u Għawdxi l-miljuni ta’ ewro.


Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun fuq quddiemnett fil-ġlieda biex issir ġustizzja mal-poplu. Ġustizzja li għandha twassal sabiex min huwa korrott u kriminal jieħu dak li ħaqqu. Ġustizzja li biha jintraddu lura l-miljuni li nsterqu lill-poplu Malti.