Lokali Qorti

Schembri fl-aħħar jammetti illi kien jaf li 17 Black hi ta’ Yorgen Fenech

Keith Schembri ammetta li hu kien jaf li 17 Black hija ta’ Yorgen Fenech. Huwa kien anke għamel dak kollu possibbli biex ma jiżvela xejn dwar 17 Black fejn anke kien għażel li ma jixhidx f’kawża ta’ libell li kien fetaħ huwa stess kontra l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Tant li spiċċa biex waqqa’ l-libell huwa stess.

Fil-Qorti huwa qal li fid-dawl ta’ dan kollu dan kien parti mill-pjan tiegħu li jagħmel negozju ma’ Yorgen Fenech. Huwa qal iżda li l-pjan tiegħu kien li huwa jagħmel dan il-pass ma’ Fenech wara li jirtira mill-‘politika’.

Sadanittant l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien talab lil Keith Schembri biex jagħmel kuntatt ma’ Yorgen Fenech u jitolbu biex ma jaħrabx minn Malta. Dan sar ftit tal-jiem qabel ftit tal-jiem qabel ma’ Fenech kien ġie arrestat.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Keith Schembri qal li kien irċieva telefonata għall-ħabta tad-9.00 p.m. b’informazzjoni li Yorgen Fenech kien se jaħrab mill-pajjiż bil-jott tiegħu u hawn qamet xi ftit kommossjoni meta Yorgen Fenech b’vuċi għolja nstema’ jgħid -“le, le, le”.

Melvin Theuma aktar kredibbli minn Yorgen Fenech

Xhud ieħor, l-Ispettur Kurt Zahra qal ukoll fil-Qorti li fl-24 ta’ Novembru, erba’ t’ijiem wara l-arrest tiegħu – Yorgen Fenech qal lill-Pulizija li kien hemm aktar xi jżid mal-istqarrijiet li kien ta.

Madankollu minn dak li semgħu l-Pulizija, l-verżjoni li ta Melvin Theuma kienet aktar ta’ min joqgħod fuqha u li kienet ikkorraborata mal-evidenza, filwaqt li ta’ Yorgen ma kinitx.

Kien għalhekk li Melvin Theuma ingħata l-proklama u dik ta’ Fenech kienet miċħuda. Ix-xhud qal li l-nvestigaturi kienu ħejjew rapport dwar dan u ppreżentawh lill-Prim Ministru.

Huwa qal ukoll li fl-20 ta’ Novembru kienet daħlitlu nformazzjoni li Yorgen Fenech kien se jaħrab minn Malta u ttieħdet deċiżjoni biex jiġi arrestat. Tenna li qatt ma kien il-pjan tal-Pulizija li dan jitressaq

Sadanittant wara x-xhieda ta’ Keith Schembri, kellu jixhed Kenneth Camilleri li sa ftit xhur ilu kien l-Uffiċjal Personali tas-Sigurtà fl-Uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Wara li ġie mwissi mill-Qorti li x-xhieda tiegħu tista’ tikkriminah f’xi proċeduri li jistgħu jittieħdu kontrih, huwa għażel li ma jixhidx.

Lura għax-xhieda ta’ Keith Schembri, l-Qorti staqsiet min kien li għamel it-telefonata u għandu jikkjarifika dan fi stadju aktar tard.  Qal li fit-telefonata persuna kienet qaltlu biex jipprova jikkonvinċi lil Fenech biex ma jaħrabx. F’dan il-kuntest huwa kien ċempel lil Yorgen Fenech u għamel 24 minuta miegħu.

Skont Keith Schembri Fenech qallu li ried jieħu d-dgħajsa tiegħu l-Italja għal service. Hu iżda kien tah parir biex ma jitfax dawl ikrah fuqu u wara mar jorqod . L-għada filgħodu sab sitt missed calls mingħand l-Ispettur Keith Arnaud.

Diversi ċaħdiet minn Keith Schembri

Dwar it-talba tal-Prim Ministru, Schembri qal li kien talbu jagħmel kuntatt ma’ Yorgen Fenech u jgħidlu ma jitlaqx mill-pajjiż. Sadanittant Keith Schembri ċaħad l-allegazzjoni ta’ Yorgen  Fenech fil-konfront tiegħu wara li dan allega li hu (Keith Schembri) huwa l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li kien ta l-flus biex jitħallsu l-aħwa Degiorgio, li kienu jammontaw bejn €75,000 u €80,000.

Schembri ċaħad ukoll li ried jibgħat lil Kenneth Camilleri biex joqtol lil Melvin Theuma. L-eks Chief of Staff ċaħad mhux biss dak li ngħad fuqu minn diversi persuni, iżda ċaħad ukoll  dak li qal fuqu Melvin Theuma, l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost dawn l-akkużi, li huwa ċċentra fuq xi talba għal bail tal-aħwa Degiorgio fil-qtil jew li lil Melvin Thuema bagħtu Yorgen Fenech għandu għal xi job. Qal ukoll li Yorgen Fenech qatt ma kellmu jew semmielu xejn dwar il-qtil.

Ix-xhud ċaħad ħafna minn dak li ħareġ fil-konfront tiegħu fir-recordings, bil-Qorti twssieh diversi drabi biex jgħid il-verità kollha. Keith Schembri kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech li jinsab mixli li organiżża dan l-omiċidju li seħħ fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.  

Yorgen Fenech, li huwa sid il-kumpanija f’Dubai 17 Black u li qed iwieġeb mhux ħati li ppomova jew iffinanzja attività jew organiżazzjoni kriminali biex iwettaq reat.

F’Diċembru li għadda Keith Schembri kien ġie arrestat u nterrogat mill-Pulizija u skont il-Prosekuzzjoni dan il-każ għadu mhux magħluq u li x-xhieda ta’ Keith Schembri tista’ tpoġġi lix-xhud f’pożizzjoni anomala fuq x’għandu jwieġeb jew ma jwieġibx.  

L-Ispettur Keith Arnaud qal li l-Prosekuzzjoni qatt ma kellha l-intenzjoni li x-xhud jittella’ jixhed f’dan l-istadju minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Keith Schembri mwissi mill-Qorti iżda jagħżel li jixhed

Il-kumpilazzjoni qalet il-Qorti ma tistax tibqa’ tistenna.  Il-Qorti qalet li x-xhud se jingħata d-dritt li ma jixhidx, imbagħad l-għażla f’idejh u kif daħal fl-awla numru 9, il-Maġistrat Rachel Montebello wissietu li dak li kien se jixhed dwaru jista’ jittieħed kontrih fil-Qorti. Keith Schembri wieġeb li huwa ried li jixhed f’dawn il-proċeduri.

Meta ġie mistoqsi dwar kif Fenech kellu fil-pussess tiegħu tliet memorandums dwar il-maħfra presidenzjali. Schembri qal  li ma kellux x’jaqsam mad-dokumenti u li dawn kienu fil-pussess tal-Avukat Ġenerali, l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur Arnaud ukoll.

Schembri qal ukoll li kien hemm ħafna leaks u li l-media kienet taf ferm qablu dwar il-memorandums. Dwar ir-relazzjoni ma’ Yorgen Fenech qal li hu kien ilu jafu minn mindu kienu żgħar, kellhom  xi 13 jew 14-il sena.

Reġgħu saru close ħafna fl-2010. Tenna li kien jaqbel ħafna miegħu għax Fenech huwa persuna li ma tiddejjaqx titkellem miegħu. Qal li jiftakar u li Yorgen Fenech kien mar jarah darba d-dar u kienu kielu xi ħaġa flimkien,  u darba oħra meta hu (ix-xhud) kien għaddej bit-terapija.

Qal li Yorgen ġieli wkoll stiednu għandu. Tenna li ġieli kienu waħidhom u ġieli le u li darba stiednu fuq id-dgħajsa tiegħu. Meta kien ikun preżenti fir-razzett ta’ Yorgen f’Ħaż-Żebbuġ, kien ikun hemm ħafna nies differenti għandu. Il-farmhouse kien ikun hemm nies minn kull strada soċjali, nkluż politikanti, negozjanti u Pulizija.

Keith Schembri qal li qabel Novembru tas-sena li għaddiet  Yorgen kien isiefer ħafna, u fl-aħħar tliet xhur qabel Novembru tal-2018 ma kienux ltaqgħu, u ġieli ċempillu ma jirrispondihx. Donnu kien hemm bidla li fejn wara li kienu jiltaqgħu ta’ spiss, issa s-sistema nbildlet.

Qal li fl-2019, disa’ xhur minnha kien ikun barra l-pajjiż. Schembri qal li  ġieli staqsa lil xi ħbieb li bħalu kienu jagħmlu ħafna domandi. Qal li jidher li Yorgen kellu xi problemi ta’ saħħa. Dwar Johann Cremona tenna li kien ltaqa’ miegħu darba.

Qal li dan kien mar Kastilja u ma damux jitkellmu. Id-diskors kien fuq kumpaniji u xi proposti fuqhom, l-aktar fuq il-Gaming. Peress li huwa business partner ta’ Yorgen, kien staqsih x’kien sar minnu, u qallu li anke hu kien ilu ma jarah.

Keith Schembri jgħid li maż-żmien rabba kallu

Dwar dan li Daphne Caruana Galizia kienet issemmi fil-blog tagħha fuqu u kien kienu jaffettwawh, ix-xhud qal li fil-bidu kien jeħodhom bi kbar, iżda aktar ma għadda żmien ma’ baqax –“ taqla, taqla u taqla, trabbi kallu politiku u tidhra, u kont niddejjaq l-aktar mhux għalija, imma għax dawn l-affarijiet kienu affettwaw il-familja tiegħi.”

Dwar post li hija tellgħet fi Frar, fuq 17 Black ta’ Daphne fejn hu ssemma’, ma kienx għamlitlu wisq differenza komparat ma’ kummenti oħra aktar ħodor. Huwa semma’ meta ġiel uliedu kienu jistaqsih, “vera se tmut, għax hekk qed jgħidu tfal oħra”, b’referenza meta huwa kien marid bil-kanċer..

Dwar li deher fuq il-kumpanija 17 Black, li huwa kellu x’jaqsam qal li kien tkellem dwar dan internament fl-uffiċċju tal-Prim Ministru  u ma’ xi ġurnalisti, kull ma għamel iddiskuta l-blog biss. Kull blog tidduskutih qal, għax kien ikun hemm ħafna. Dejjem kien jispjega x’kien fih il-blog u qal li dan kien fiction.

Tenna li Daphne, kienet tgħid xi ħaġa vera u tagħmel ħames assunzjonijiet. Kien hemm min qallu biex jiftaħ libell iżda ma riedx jistenna xi erba’ snin. Jibqa’ għaddej u jipprova ma tagħtix każ.

17 Black kienet target client ta’ Keith Schembri

Schembri qal li 17 Black kienet target client tiegħu u tenna li kien fetaħ trust mal-BOV fl-2013. li ċ-Chairman tal-BOV ammetta miegħu li kien hemm leaks dwar it-trust tiegħu. Qal li tkellem mal-konsulenti tiegħu li ma setax jafda l-banek Maltin u għażel New Zealand.

Schembri jgħid li jaf li 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech u li biex jiftaħ trust New Zealand ried jiftaħ kumpanija fil-Panama. Meta kompla jitkellem fuq l-assasinju ta’ Caruana Galizia Schembri saħaq li dakinhar tal-assassinju kien mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u mad-direttur tal-komunikazzjoni Kurt Farrugia.

Jiftakar li kienu ġew infurmati mill-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei Ivan Falzon li ħadet bomba fil-Bidnija. Wara ġew infurmati li aktarx inqatlet Caruana Galizia. Schembri qal li mill-ewwel għamel kuntatt mac-Charge d’Affaires Mark Schapiro mill-Ambaxxata Amerikana. Dan qallu li kien hemm xi uffiċjali tal-FBI Ruma li setgħu jgħinu

Dwar Melvin Theuma qal li ltaqa’ darba fl-uffiċċju tiegħu u darba oħra jista’ jkun fil-farmhouse ta’ Yorgen Fenech, imma mhux ċert. Dan kien ftit wara li fieq mill-marda tal-kanċer. Sostna li huwa jemmen li lil Melvin Theuma ma bagħtu ħadd għandu u mhux minnu li bagħtu Yorgen.

Qal li mar għandu u talab job, irreferieh għal Customer Care, iżda Melvin Theuma ried li jieħu ritratt miegħu  bir-ritratt tal-Prim Ministru warajh. Theuma qallu dak inhar li l-aħħar darba li mar kien Kastilja kien hemm ritratt ta’ Mintoff  u xtaq jieħu ritratt miegħu biex jibgħatu lil ommu.

Keith Schembri qallu biex jagħtih job, ‘any job’.Qal li ma kienx avżat li kienu sabulu job. Bħal dan kien ikollhom ħafna qal ix-xhud. Qal li kollox sar maħdum u dan għaliex wara li sar ir-rejd  tal-Pulizija, kien hemm kumbinazzjoni, ir-ritratt li ħa miegħu, l- kuntratt tax-xogħol u l-ittra li kiteb u dan għamlu għat-tir ta’ moħħu.

Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud jekk kienx jaf  kif għamel Melvin biex wasal għandu. Qal li ma jafx. Żgur li kien ikollu lista ta’ nies li ried jara. Melvin Theuma, kien wieħed minnhom. Din il-lista ssir mis-Segretarjat tiegħu. Dejjem xtaqu li jkunu viċn ħafna tan-nies.  

Mistoqsi għal aktar minn darba min kien ikun għand Yorgen Fenech, huwa semma’ lill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta u anke politiċi fosthom lill-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn dan mhux għax ra hu b’għajnejn imma dak li qallu Yorgen Fenech.

Mistoqsi x’qallu kien li Adrian Delia kien darba mar għandu għal  €50,000 u dan biex ma jitlax fil-Parlament Ewropew David Casa. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap Nazzjonalista diġa kien ċaħad din l-allegazzjoni li rċieva xi flus .

Huwa ppubblika wkoll affidavit ġuramentat li għamel fil-Qorti. Fix-xhieda tiegħu l-ġimgħa li għaddiet, Melvin Theuma qal li Yorgen kien xaħħam lill-PN biex David Casa ma jitlax fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej.

Schembri xehed ukoll li kull ġimgħa tal-aħħar tax-xahar Pierre Portelli eks Kap Eżekuttiv tal-PN kien jiġbor €20,000 mingħand Fenech. Dan dejjem skont x’qallu Yorgen Fenech. Dan ukoll kien miċħud mal-kors tal-ġurnata mill-istess Pierre Portelli.

Dwar x’tip ta’ negozjanti kienu jkun għand Yorgen Fenech, ixxhud qal li dawn kienu negozjanti normali, nies li qed jinvestu fil-pajjiż u darba minnhom kien hemm Silvio Valletta.

Qal li qabel inqala’ dan kollu, Fenech kien persuna stmat ħafna fis-soċjetà. Wara spiċċa demonizzat  kull kull min iltaqa’ moegħu.  Dwar Kenneth Camilleri qal li kien jagħmel parti mill-istaff tiegħu u li daħal jaħdem fl-2013 u spiċċa bejn l-2018 u l-2019 wara li lesta s-servizz.

Schembri jgħid li ma jafx lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat

Qal ukoll li ma jafx lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat. Dwar l-għajnuna biex jingħata bail lill-aħwa Degiorgio, huwa ċaħad. Mhux vera dak li qal Melvin Thuema fuq dan kollu, huwa tenna.

Huwa jemmen li Melvin ried iniggżu għax kellu pożizzjoni għolja fil-Gvern u ħabib ta’ Yorgen Fenech. Mhux veru dak li qal, fejn semma li tant kemm hemm taħwid u bluff, u li hu seta’ jitkellem hekk għax it-tapes hu semgħahom waqt li kien qed jiġi nterrogat mill-Pulizija.

Fuq mistoqsija oħra dwar dak li xehed Melvin Theuma, li skont Yorgen ix-xhud kesaħ metta qallu fuq Daphne, u l hu qallu “messek għadtli qabel”. Ix-xhud tenna li Yorgen qatt ma nfurmah b’xi delitt. Qatt ma semmielu dak li ngħad minn Melvin.

Keith Schembri kompla jgħid li meta kien jirranġa l-meerings f’Kastilja, kien iċempillu Silvio Valletta u kien  jieħu ħsieb il-loġostika – kif kien isir ma’ Keith Arnaud, ħa f’idejh il-każ. Recordings li semmawlu.

L-Ispettur Arnaud staqsa lil Schembri jekk jafx lit-tabib Adrian Vella u dan qal li kien it-tabib tiegħu, u li kien ilu jafu għal dawn l-aħħar tmien snin. Vella kien akkumpanjah fuq vjaġġi barra minn Malta għal raġunijiet mediċi.

Qal ukoll li kienet il-familja ta’ Yorgen Fenech li kienet irrakkomandatulu. Dwar l-ittra li kienet issemmiet fil-Qorti, Schembri qal li  li huwa ma kienx kitibha u lanqas ma kien taha lil Vella.

Huwa kien qed jirreferi għal ittra li Vella kien għadda lil Yorgen Fenech waqt li dan tal-aħħar kien fil-kustodja tal-Pulizija. L-allegatazzjoni kienet li l-ittra kienet inkitbet minn Schembri u kienet tagħti struzzjonijiet lil Fenech x’għandu jgħid lill-Pulizija u jitfa’ l-ħtija fuq Chris Cardona. Schembri kien arrestat u interrogat dwar l-ittra.

Schembri qal ukoll li ma kellu xejn x’jaqsam mal-ittri li ssemmew. Semma wkoll li waqt il-ġimgħa tal-arresti, hu kien attenda festin fil-Girgenti u li qabel mar kien ngħata xi mediċini minn martu u kien ħa whisky ma’ Vella.

Saħaq li għall-festin fil-Girgenti kienu attendew bejn 400 u 500 persuna. Arnaud jgħid li Vella kien qal lill-pulizija li kien ġabar l-ittra mingħand Schembri u għaddieha lil Fenech.

Schembri mill-ġdid jisħaq li ma kien għadda l-ebda dokument lil Vella, bil-Maġistrat tistaqsi lil Fenech jekk it-tabib kienx qed jigdeb. Il-Qorti f’dan il=ħin terġa’ twissi lil Schembri dwar il-konsegwenzi pubnibbli b’ħabs minħabba gideb taħt ġurament falz.

L-Ispettur Zahra fuq ix-xena makabra fil-Bidnija u l-investigazzjoni

Fi tmiem ix-xhieda, l-Prosekuzzjoni qalet li Keith Schembri għandu jerġa’ jittella bħala xhud darb’oħra. Xehed ukoll l-Ispettur Kurt Zahra li ta spjegazzjoni fit-tul dwar x’ġara dak inhar tad-delitt, ix-xena makabra li kien hemm fil-Bidnija  Huwa qal li l-investigazzjoni kienet maqsuma fi tliet fażijiet.

Qal li l-ewwel fażi kienet tikkonċerna il-jum tad-delitt sal-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. It-tieni fażi kienet tinvolvi l-arrest ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech, bit-tielet fażi tibda wara dan kollu.

Tenna li kienu ġew arrestati disa; minn nies fosthom it-tlieta li qegħdin jiġu akkużati b’dan id-delitt u oħrajn jekk kienu konxji x’kien qed isir. Qal li l-Pulizija kienet għamlet preżentazzjoni lill-Maġistrat inkwerenti Anthony Vella, kif kienu għamlu wkoll l-FBI.

Il-Maġistrat Vella kien assenjat lilu dan ix-xogħol wara li  l-familja Caruana Galizia kienet talbet lil dak iż-żmien Maġistrat, illum Imħallef – Consuelo Scerri Herrera, tirrikuża ruħha.

L-Ispettur Zahra jgħid li esperjenza l-karozza li kienet fiha l-vittma li kienet maħkuma minn duħħan fil-wied , u fdalijiet umani fit-triq. Ix-xhud qal ukoll li -kienu rrintraċċaw karozza bajda tal-kiri fiż-żona fejn seħħet l-isplużjoni fil-ġimgħat qabel il-qtil.

Fi żvilupp iħor li seħħ aktar tard instab fejn kien mistoħbi l-persuna li kien qed joqgħod għassa għall-movimenti ta’ Caruana Galizia. Il-Pulizija sabet wkoll diversi fdalijiet tas-sigaretti.

Dwar dan is-sigaretti kienu ntalbu l-aħwa Degorgio li kienu aċċettaw li jsiru swabs fuqhom, li sar magħruf li kienu jaqblu ma’ ta Alfred Degiorgio. Vince Muscat ma riedx li jittieħdulu swabs.

Semma’ ukoll meta marru jagħmlu r-raids fit-tinda tal-patata u li ntlabet l-AFM biex tftittex fl-baħar għal mobiles, Meta kienu arrestati t-tlieta, dawn keinu għażlu li ma jwieġbux għad-domandi magħmula lilhom.

Xehed ukoll dwar it-tieni fażi tal-investigazzjoni fejn il-Europol baqgħet tassisti lill-Pulizija Maltija. Qal li tkompliet it-task force biex jinstab min seta’ kienu l-eżekuturi. Kien għamel żmien inqata’ ftit mill-każ qal ix-xhud, għax kellu każijiet oħra ta’ omiċidji x’jistħarreġ.

Madankollu l-Ispettur Keith Arnaud baqa’ jinfurmah b’dak kollu li kien qed jiġri u kien infurmah ukoll li kienun arrestaw lil Melvin Theuma. Qal li t-telefonatu ta’ dawk li kienu l-ħabs, kienu qegħdin jiġu interċettati, fosthom ta’ telefonati ma’ Mario Degiorgio, ħu l-akkuħati.

F’Marzu, Mario qal lil George Degiorgio, biex l-għada Alfred Degiorgio iċempel. Din kienet persuna maskili li qed jgħaddilhom messaġġi ta’ kurraġġ.

Bdiet issir sorveljanza wara Mario Degiorgio, dwar min kien li dan irid jgħinhom u anke jeħdilhom l-ikel. Sar magħruf li din il-persuna kien Melvn Theuma.

Zahra qal li Yorgen Fenech qal lill-Pulizija fuq itta li kien rċieva mingħand it-tabib  Adrian Vella, li allegatament oriġinat mingħand Keith Schembri. Dokument minnhom kien miktub b’font kbir u kien hemm tħażżiż bil-biro fuqu. Kien hemm ukoll ittra oħra aktar konċiża.

It-tabib Vella kien ikkonferma mal-Pulizija li kien għadda l-ewwel waħda lil Yorgen Fenech iżda ma setax jikkonferma fuq it-tieni waħda. It-tabib kien qal lill-Pulizija li allegatament Fenech kien qabad ittra u beda jħażżeż fuqha.  

Zahra qal li fil-25 ta’ Novembru Yorgen Fenech ried jikxef informazzjoni dwar il-koruzzjoni u li dwar dan l-Pulizija kienet issuġġerixxiet li Yorgen Fenech biex jitkellem mal-Economic Crimes Unit.

Kollox jintemm bil-battibekki u l-każ aġġornat għat-30 ta’ Lulju

Hawn bdew il-battibekki bid-Difiża tgħid li x-xhud qed jigdeb taħt ġurament. Il-Maġistrat Montebello tipprova tikkalma s-sitwazzjoni u qalet li d-difiża li għandha l-opportunità tagħmel kontro eżami. L-Ispettur Keith Arnaud minn naħa tiegħu qal li jista’ jikkonferma dak li qed jgħid Zahra.

Id-difiża takkuża lill-Pulizija qed tigdeb bl-avukat Gianluca Caruana Curran jgħid li lest jiġi mmultat mill-Qorti u reġaż saħaq li l-Pulizija qed tigdeb. Arnaud jgħid li l-Pulizija riedet li l-interrogazzjonijiet jiġu rrekordjati bil-Qorti tgħid li l-allegazzjonijiet li saru għandhom jiġu indirizzati fil-forum opportun.

Il-Maġistrat ukoll iċċanfar lil Kurt Zahra minħabba t-tip ta’ diskors li kein qed jgħid u tissospendi s-smigħ u tordna lill-ġurnalisti u l-membri tal-pubbliku joħorġu barra mill-awla.

Lura fl-awla l-Avukat Charles Mercieca sostna li qed jinkisru d-drittijiet fundamentali ta’ Yorgen Fenech u qal li qed issir diffiċli biex jipprovdu difiża tajba lil Fenech. Minn naħa tagħha l-Maġistrat qalet li Itrid tikkonsulta mad-direttur tal-ħabs.

Mercieca qal ukoll li ma jistgħux jgħaddu pariri bit-telefon lil Fenech peress li l-linji huma kollha rrekordjati. Il-Qorti ordnat li t-talba tad-difiża tiġi komunikata lid-Direttur ta’ Kordin. Alex Dalli, d-Direttur issa għandu żmien ġimgħa biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub.

Il-Qorti qalet li s-smigħ tal-kumpilazzjoni se jkompli fit-30 ta’ Lulju fl-10am. fejn se jkompli jixhed l-Ispettur Kurt Zahra. Għandu jixhed ukoll it-tabib Adrian Vella bis-seduta trid tieqaf sas-2.00pm.

Jekk jinstab ħati wara li jgħaddi ġuri, Yorgen Fenech jista’ jiġi kkundannat għal għomor il-ħabs.Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba  viċin id-dar tagħha fil-Bidnija.

Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniz u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala il-Fulu, huma akkużati li poġġew il-bomba taħt is-seat, in-naħa ta’ fejn hija ssuq.

Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Marion Camilleri, Giancluca Caruana Curran u l-Avukat Charles Mercieca filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo huma l-Avukati ta’ Keith Schembri.

L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte ċivili għall-familja ta’ Caruana Galizia. Il-Prosekuzzjjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. Filwaqt li d-Deputat Avukat Ġenerali, Philip Galea Farrugia qed jidher f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.