Lokali Qorti

Keith Schembri se jixhed aktar tard; mistennija dettalji jaħarqu fil-każ ta’ Yorgen Fenech

Ritratt: Melvin Theuma flimkien ma' Keith Schembri f'Kastilja.

Dettalji jaħarqu u nformazzjoni li sa issa għadha mhux magħrufa mistennija toħroġ aktar tard dalgħodu minn Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Sa fl-aħħar hu se jixhed fil-kumpilazzjoni kontra s-suspettat kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – xiehda li se tibda għall-ħabta tal-10am.

Minn informazzjoni li għandu dan is-sit id-dubju li kien hemm jekk Keith Schembri hux se jixhed jew le issa tneħħa. Dan għaliex kien hemm il-possibilità li Keith Schembri, xhud ferm importanti fil-każ, ma jixhidx. Il-Qorti mistennija tinfurmah li jista’ jagħżel li ma jwieġibx għal domandi li bihom jista’ jinkrimina lilu nniffsu (ma jitfax il-ġebla fuq saqajh). Dan huwa dritt li tagħtihulu l-liġi.

Madankollu, ninsabu nfurmati li Keith Schembri għażel li jixhed u anke joħroġ informazzjoni li sa issa għadha mhux magħrufa; informazzjoni li tista’ wkoll toħloq battibekki legali u tkompli tikkumplika s-sitwazzjoni f’din il-kobba mħabbla marbuta ma’ dan l-assassinju makabru.

Keith Schembri ssemma’ ħafna f’dan il-każ, speċjalment fir-recordings tal-middleman fil-qtil tal-ġurnalista … bl-ispekulazzjonijiet ikomplu jikbru li fil-assassinju hemm imdaħħla diversi persuni, anke li sa issa għadhom mhux magħrufa.

Keith Schembri ssemma flimkien mal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li kienu jgħaddu nformazzjoni lil Yorgen Fenech dwar l-investigazzjoni fil-qtil u saħansitra kienu jiżvela mas-suspettati, l-ġurnata u l-ħin dwar meta l-Pulizija kellha tagħmel raids.


L-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta

Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li Keith Schembri kien jakkumpanja lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-briefings tal-Pulizija. Dawn id-dettalji kienu jinkludu l-arrest tat-tliet irġiel akkużati li wettqu l-qtil, Vince Muscat u l-aħwa Degiorgio.

Iżeffen fin-nofs ukoll numru tal-mobile u l-istess mobile ta’ Chris Cardona, li ssemma li kellu x’jaqsam, imma mill-banda l-oħra persuna akkużata bil-qtil ta’ Daphne, qalet waqt li kienet qed tiġi eskortata f’vann tal=ħabs, “issa nitfgħu kollox fuq Chris Cardona”.

Punt li mistenni jkun wieħed ta’ ċerta portata f’din il-kumpilazzjoni huwa dak li ħareġ mill-provi fejn allegatament qabel ma’ Yorgen Fenech ipprova jaħrab minn Malta huwa ċempel lil Keith Schembri u l-konversazzjoni damet sejra għal madwar 24 minuta.

Mhux sigriet li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu ħbieb kbar u skont Melvin Theuma, Yorgen kien jafda lil Keith b’għajnejh magħluqa. Minkejja kollox Melvin Theuma dejjem qal ukoll li ma setax jikkonferma l-involviment fil-każ ta’ Keith Schembri b’ċertezza assoluta.

Ritratt: Times of Malta

Qal li hu kien jemmen li Keith Schembri mdaħħal fil-każ minħabba l-ħbiberija kbira li kellu Yorgen. Mistennija tqum ukoll il-lejla taċ-ċelebrazzjoni tal-birthday party ta’ Joseph Muscat fejn Yorgen Fenech kien wieġħed mill-mistiednin speċjali għal din il-festa tal-eks Prim Ministru u li anke għadda lilu rigali ta’ ċerta portata.

Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Marion Camilleri, Giancluca Caruana Curran u l-Avukat Charles Mercieca filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo huma l-Avukati ta’ Keith Schembri.

L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte ċivili għall-familja ta’ Caruana Galizia. Il-Prosekuzzjjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.