Lokali

KONFERMATA: Il-Gvern kien ilu “jaf bl-għidut” dwar l-iskandlu tal-windfarms fil-Montenegro

Il-Ministru Farrugia jgħid li dan id-deal kien tajjeb għal Malta

Id-‘deal’ tal-Montenegro huwa wieħed tajjeb għal poplu Għawdxi u Malti. Hekk sostna l-Ministru tal-Enerġija Michael Farrugia meta mistoqsi minn Net News dwar jekk fetaħx investigazzjoni interna fil-korporazzjoni Enemalta b’rabta mal-iskandlu ġdid tal-windfamrs…li jiżdied mal-lista ta’ aħbarijiet xokkanti li ħarġu fi zmein Gvern Laburista fl-aħħar xhur u snin.

Michael Farrugia spjega li kien ra dokumenti relatati ma’ dan il-proġett ….fejn skont dak zvelat minn Reuters kien hemm involuti miljuni ta’ ewro trasferiti lejn il-kumpanija 17 Black, il-kumpanija tan-negozjant Yorgen Fenech, akkużat ukoll b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Farrugia, li kien proprju Ministru tal-Intern fl-aħħar Kabinett tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, ta x’jifhem li kien jaf bil-każ minn qabel, tant li ankè il-Europol kienet ġiet mitluba tinvestiga.

Konferma oħra li l-Ministru kien konxju bl-iskandlu tal-Montenegro waslet meta stqarr mal-ġurnalisti li kien sema’ bl-ghidut dwar dan il-kaz xokkanti.

Dan l-aġir sehh 24 siegħa biss wara li permezz ta’ post fuq Facebook il-Ministru Evarist Bartolo qabbel lill-Partit Laburista ma’ karozza tal-ġiri bla brejkijiet u bla GPS, u insista li t-tiġdid tal-Lejber ma jistax ikun sempliċiment tiċpis ta’ ftit irtokk l’hawn u ‘l hinn biex jgħattu l-kruha, b’rebranding li titbiddel il-qoxra u jitħalla t-taħsir ta’ ġewwa.