Coronavirus Lokali

L-ebda każ ġdid ta’ COVID-19; isir anqas minn 500 test

Niżel għal taħt il-500 l-ammont ta’ testijiet tal-Coronavirus li saru fl-aħħar 24 siegħa. Minnhom ma rriżulta l-ebda każ pożittiv, filwaqt li fortunatament, persuna oħra rriżultat imfejqa.

Dan ħareġ mill-aġġornament imxandar fuq il-paġna tal-Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa, fejn qed tintagħżel liema informazzjoni tixxandar u mingħajr il-possibbiltà ta’ mistoqsijiet mill-media, kif kien isir sa ftit tal-ġimgħat ilu.

Aġġornamenti li għadhom ikunu rrappurtati mill-media lokali kollha, minbarra mill-media tal-Partit Laburista, li għal xi raġuni ilhom ġimgħatejn ma jħabbru l-każi ġodda pożittivi jew ta’ fejqan. Mhux magħruf lanqas min iddeċieda li l-media Laburista tkun assenti għalkollox minn informazzjoni bħal din – ta’ importanza nazzjonali.

Skont l-aħħar aġġornament, l-ammont ta’ każi pożittivi baqa’ 665, filwaqt li dawk li fiequ telgħu għal 617. Dwar dawk imfejjqa…il-Ministeru spjega li 363 kienu rġiel, filwaqt li 254 huma nisa. U meta wieħed jgħodd ukoll lid-disa’ persuni li sfortunatament mietu kawża tal-Coronavirus, il-każi attivi issa niżlu għal 39.

Ghalkemm matul l-ahhar tliet ijiem kellna biss żewġ każi godda, l-appell tal-awtoritajiet tas-sahha jibqa’ dawk ta’ “kawtela”…ghaliex il-virus xorta ghadu fostna.