Lokali

L-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona…żewġ linji

Skattat proċess biex timtela l-kariga ta’ Deputat Mexxej ġdid

Wara pressjoni li saret fl-aħħar jiem fuq il-Gvern, sa fl-aħħar ġiet ippublikata dik li suppost hi l-ittra tar-riżenja tal-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Cardona. L-ittra ġiet indirizzata lis-Segretarja tal-Eżekuttiv.

Minkejja li preżenta r-riżenja mill-kariga tiegħu, Cardona ma ta l-ebda raġuni għaliex qed jagħmel dan.

L-ittra ta’ Cardona tgħid li “permezz ta’ din l-ittra ġentilment nitolbok tinforma lill-amministrazzjoni tal-Partit li jien qiegħed nirreżenja mill-kariga ta’ Deputat Mexxej (Tal-Partit) b’effett immedjat.”

Id-data tal-ittra hi miktuba bl-idejn – fatt li jagħti wieħed x’jifhem li Chris Cardona kien ilu għal xi jiem li ddeċieda illi jirriżenja mill-PL.

Fl-istqarrija il-Partit Laburista qal illi waqt laqgħa tal-amministrazzjoni, ġie deċiż li tiġi ppublikata din l-ittra ta’ riżenja. Dan filwaqt li qed jiġi skattat proċess biex timtela l-kariga ta’ Deputat Mexxej ġdid għall-affarijiet tal-Partit Laburista.