Futbol Sport

Mark Miller jinħatar kowċ ta’ Balzan

(Ritratt: Balzan FC)

Mark Miller se jibda esperjenza oħra bħala kowċ fil-futbol lokali hekk kif inħatar kowċ ta’ Balzan b’kuntratt ta’ sentejn. Il-kowċ Ingliż kien liberu li jingħaqad ma’ liema klabb irid wara li ftit jiem ilu laħaq ftehim ma’ Mosta biex ma jibqax fil-kariga. Hu se jkun assistit minn Joe Grech, l-istess kowċ li ħadem miegħu ma’ Mosta.

Miller hu kowċ li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni f’pajjiżna. Hu ilu bħala kowċ għal kważi 30 sena fejn anki rebaħ il-kampjonat ma’ Floriana, Sliema Wanderers, Hibernians u Valletta.

Balzan ġejjin minn kampjonat diżappuntanti li fih kienu fis-seba’ post tal-klassifika bi 28 punt meta l-kampjonat ma setax jitkompla b’sitt logħbiet għat-tmiem. Qabel il-Covid-19 waqqaf il-kampjonat, Balzan kienu taħt it-tmexxija ta’ Alessandro Pantoja u Ludvic Bartolo wara li fil-bidu ta’ Marzu, Jacques Scerri kien irriżenja minn kowċ b’konsegwenza tal-eliminazzjoni mill-FA Trophy kontra Pietà Hotspurs.