Lokali

Pulizija għassa mar-residenza tal-Avukat Jason Azzopardi għall-protezzjoni

Kopji tal-ittri ingħataw lill-President ta' Malta George Vella u l-Prim Ministru Robert Abela

Id-Deputat Parlamentari, Jason Azzopardi qed jingħata protezzjoni mill-Korp tal-Pulizija permezz ta’ preżenza ta’ Pulizija għassa mar-residenza ta’ fejn joqgħod. Skont stqarrija maħruġa mill-Korp, din ilha tingħata mis-16 ta’ Ġunju 2020.

IKTAR KMIENI: L-Għaqda tas-soċjeta’ ċivili Repubblika kitbet darbtejn f’temp ta’ ġimgħa lill-Aġent Kummissarju Carmelo Magri sabiex tingħata protezzjoni lill-Avukat Jason Azzopardi.

Fl-ittri, iffirmati mill-President tal-Għaqda il-Professur Vicki Ann Cremona, jingħad li huwa evidenti li l-persuni li kkummissjonaw, ippjanaw u wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galzia huma persuni b’saħħa qawwija u b’konnessjonijiet u infiltrazzjoni politika u istituzzjonali kbira ħafna, inkluż fil-Korp tal-Pulizija.

Għaldaqstant qed issir it-talba li mingħajr telf ta’ ħin, il-Pulizija tipprovdi protezzjoni adegwata fil-konfront tal-Avukat Jason Azzopardi.

L-ittri jtemmu li hu fid-dmir tal-Pulizija li kull min hu fil-periklu għandu jiġi protett.

Kopji tal-ittri ingħataw lill-President ta’ Malta George Vella u l-Prim Ministru Robert Abela.