Internazzjonali

Renju Unit: Il-pulizija tkompli tindaga dwar it-terrur ta’ Reading

Il-Pulizija qed tkompli bl-interrogazzjoni tal-Libjan, Khairi Saadallah, li qed jinżamm arrestat taħt l-Att tat-Terroriżmu u fejn issemma bħala l-aggressur ewlieni wara l-attakk brutali tas-Sibt bil-lejl, f’Reading, fejn tliet persuni innoċenti spiċċaw maqtula b’daqqiet ta’ sikkina.

Il-vittmi tal-attakk, fil-Forbury Gardens, kienu ċittadin Amerikan, għalliem Ingliż u persuna oħra li ma kenitx identifikata. Fil-kaos spiċċaw midruba diversi persuni li wkoll qalgħu daqqiet ta’ sikkina u fejn uħud sofrew il-ġrieħi gravi.

Qed jingħad li s-suspettat Libjan, residenti f’Reading, kien ilu mill-2019 ‘jattira l-attenzjoni’ tas-servizzi sigrieti tal-M15.

Intant, Saadallah, li għandu 25 sena, kien arrestat, inizjalment, fuq suspett ta’ omiċidju u wara, il-pulizija deċidiet li żżommu taħt l-Att tal-Liġi tal-2000 dwar Terroriżmu. Il-pulizija b’hekk għandha d-dritt li żżomm lil dan il-Libjan — mingħajr ma tressaqlu akkużi formali – għal massimu ta’ erbatax-il jum.

Fl-istess ħin, il-pulizija mhumiex ifittxu għal ħaddieħor li seta’ kien kompliċi ma’ Saadallah inkella li seta’, b’xi mod, kien konness mal-inċident qattiel.

Il-Libjan kien beda jkun segwit mis-servizzi tas-sigurtà skont informazzjoni li hu ‘kien qed jaspira biex isiefer barra, possibbilment għal raġunijiet relatati mat-terroriżmu’.Iżda meta l-informazzjoni għaddiet mill-iskrutinju neċessarju, ma kienet identifikata l-ebda theddida ġenwina jew immedjata.

B’hekk ma kien infetaħ l-ebda case file speċifiku dwar Saadallah, li, kieku, kien jispiċċa suġġett għal aktar investigazzjoni bir-reqqa.

Is-sorsi qalu li filwaqt li l-aġenzija sigrieta M15 għandha mat-3,000 persuna taħt investigazzjoni dwar ‘potenzjal terroristiku’ hemm mal-40,000 oħra li, f’xi ħin, setgħu spiċċaw evalwati b’dan il-mod. Filwaqt li hemm ħafna nies interessati fl-ideoloġiji estremisti, is-servizzi sigrieti fir-Renju Unit qed isibu l-problemi biex jidentifikaw liema ‘kapaċi jinbidlu f’qattiel minn ħin għall-ieħor’.

Fl-aħħar tliet snin, is-servizzi sigrieti rnexxielhom irażżnu 25 kumplott terroristiku fir-Renju Unit. Iżda l-Ministru tas-Sigurtà, James Brokenshire, wissa li t-theddida hi kumplikata, meta l-aspetti tagħha qegħdin jinbidlu wkoll  b’rata rapida, fost il-livell ta’ periklu sinifikanti għall-membri tas-soċjetà.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson  iddiskuta l-qtil ta’ Reading mal-Ministri tal-Kabinett, kif ukoll mal-uffiċjali tal-pulizija u s-sigurtà fir-Renju Unit. Fl-istess ħin, Johnson wiegħed azzjoni konkreta ‘ladarba jsibu li l-każ ikun żvela lezzjonijiet li l-awtoritajiet lokali jeħtieġu jitgħallmu minnhom’.